Il-Vatikan f’inizjattiva għall-għoti tad-demm

Bħala parti minn inizjattiva bejn il-Vatikan u l-Isptar Gemelli ta’ Ruma biex jinkoraġixxu aktar donazzjonijiet ta’ demm, nies li jmorru jagħtu d-demm f’dan l-Isptar qed  jingħataw biljetti għad-dħul fil-mużewijiet tal-Vatikan bi prezz imnaqqas.
L-inizjattiva msejħa “Agħti d-demm u ssodisfa l-inklinazzjonijiet artistiċi tiegħek” toffri lil dawk li jagħtu d-demm il-possibbilta’ li jżuru l-mużewijiet tal-Vatikan u jħallsu biss €4 minflok €25.
Id-Direttur tal-Mużewijiet tal-Vatikan, Barbara Jatta qalet li “id-demm, bħall-arti, għandu x’jaqsam direttament mal-ħajja. Mingħajr demm ma hemmx ħajja iżda mingħajr l-arti il-ħajja tkun vojta u ta’ dwejjaq”.
Il-Vatikan iqis din bħala ġest ta’ solidarjeta’ u se jkompli jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-importanza u l-valur tad-donazzjonijiet volontarji tad-demm.
L-Isptar Gemelli, kull sena jqassam aktar minn 17,000 unit ta’ demm lill-pazjenti tiegħu u għalhekk għandu bżonn ħafna donazzjonijiet.  Enrico Zampedri, id-Direttur Ġenerali ta’ dan l-isptar importanti f’Ruma appella biex “dawk li huma f’kundizzjoni biex jagħtu d-demm għandhom jagħmlu dan għax li tagħti demmek biex jgħid ħaddieħor hu ġest qawwi ta’ karita’.”