Il-Vatikan daqt jieħu deċiżjoni dwar Medjugorje

Waqt it-titjira minn Sarajevo għal Ruma, il-Papa Franġisku qal li l-Vatikan daqt jieħu deċiżjoni dwar l-allegati dehriet tal-Madonna fil-belt ta’ Medjugorje fil-Ħerzegovina. 
Lill-ġurnalisti li kienu miegħu fuq it-titjira, il-Papa qalilhom li lejn l-aħħar tax-xahar għandha ssir laqgħa bejn il-kardinali u l-isqfijiet li jiffurmaw il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. 
Il-Papa Franġisku spjega li fi żmien Benedittu XVI, kienet twaqqfet apposta kummissjoni fuq il-każ ta’ Medjugorje, immexxija mill-kardinal Camillo Ruini flimkien ma’ teologi u speċjalisti oħra, u li kienu ppreżentaw studju li fi kliem il-Papa, hu interessanti u tajjeb.
Waqt it-titjira, il-Papa ġie mistoqsi wkoll dwar jekk hux se jżur jew le il-Kroazja.  Hu wieġeb billi fakkar fiż-żjarat iż-żgħar li diġà għamel fl-Ewropa, f’dawk il-pajjiżi li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea, fosthom iż-żjara fl-Albanija.  Il-Papa enfasizza li hu jrid idur pajjiżi li batew ħafna, bħall-pajjiżi fil-Balkani.
Dwar l-appell tiegħu liż-żgħażagħ, li hawn nies influwenti li jitkellmu fuq il-paċi iżda minn taħt ibiegħu l-armi, il-Papa qal li “hawn wisq ipokrezija.  Hu għalhekk li llum mhux biżżejjed titkellem fuq il-paċi, iżda għandna bżonn li nagħmlu paċi.  Min jitkellem fuq il-paċi iżda ma wettaqhiex, ikun qed jgħix f’kontradizzjoni.  U min jitkellem fuq il-paċi iżda mbagħad ibiegħ l-armi, ikun ipokrita”, żied jgħid il-Papa Franġisku.
Fl-aħħar nett il-Papa kkonferma li għad għandu f’moħħu li jżur Franza u li ma jistax lura mill-kelma li ta lill-isqfijiet Franċiżi.