Il-Vatikan b’inizjattiva ta’ protesta kontra l-ġenoċidju tad-Down Syndrome

Filwaqt li n-Nazzjonijiet Magħquda hi impenjata li tipproteġi u ġġib 'il quddiem il-ħajja ta’ dawk bid-Down Syndrome, il-Vatikan iħoss li fil-komunità internazzjonali hemm min qed jgħin fil-ġenoċidju ta’ dawn l-individwi.
Il-ġimgħa li għaddiet, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Down Syndrome, waqt attività organizzata min-Nazzjonijiet Magħquda (UN), l-Arċisqof Bernardito Auza, Nunzju Appostoliku għall-UN, akkuża lid-delegati li mhux qed jagħtu l-protezzjoni ddikjarata fi ftehimiet internazzjonali lil persuni b’diżabilità.
“Minkejja l-impenn li hemm fil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li nippromwovu, nipproteġu u nassiguraw it-tgawdija sħiħa u l-opportunitajiet indaqs għal kull persuna umana, inkluż id-dritt għall-ħajja mill-persuni kollha b’xi diżabilità, ħafna mill-komunità internazzjonali qed jibqgħu siekta filwaqt li maġġoranza kbira ta’ dawk li jkunu djanjostikati bid-Down Syndrome qed jinqatlu qabel jitwieldu”, akkuża r-rappreżentant tas-Santa Sede.
Bi protesta għal dan il-Vatikan organizza avveniment bit-tema: “M’hemmx post fl-Irħula, il-Bliet, fid-Djar għal dawk b’Diżabilità? Lill-bniet  u subien bid-Down Syndrome qed inħalluhom warajna?”.
Dan l-avveniment qed isir meta numru ta’ pajjiżi Ewropej għandhom miri ddikjarati li jeliminaw id-Down Syndrome, li l-Arċisqof Auza kkundanna dawn il-miri moħbija filwaqt li nnota li “eliminazzjoni” tfisser li l-ġenituri “jagħżlu li jneħħu l-ħajja ta’ wliedhom”.
Id-Down Syndrome hi kundizzjoni ġenetika li minħabba fiha, persuni b’din il-kundizzjoni idumu aktar minn oħrajn biex jitgħallmu.
L-inizjattiva tas-Santa Sede għandha l-iskop li turi li “tfal Down Syndrome u l-familji tagħhom huma fost l-aktar grupp ta’ nies ferħana u d-dinja hi ferħana bihom.”
Fost dawk li ħadu sehem fl-inizjattiva tal-Vatikan kien hemm Patricia White li għandha iben b’din il-kundizzjoni.
Hi qalet li fl-aħħar 15-il sena kien hemm diversi żvilupp xjentifiċi biex din il-kundizzjoni tkun mifhuma aħjar u jtejbu l-ħajja tal-persuni Downs. Sostniet li llum, flok xettiċiżmu, hemm ottomiżmu qawwi li r-riċerka medika se tagħti riżultati li jaffettwaw pożittivament il-benessri ta’ dawk b’Down Syndrome u li qed toffri wkoll riżultati li jistgħu jgħinu fil-kura tal-Alzheimer u anke l-kanċer.
Mikalya Holmgren, tfajla ta’ 23 sena li hi Down, irrakkontat kif irnexxielha ssegwi l-imħabba tagħha lejn iż-żfin, attendiet l-istess kulleġġ fejn tgħallmu l-ġenituri tagħha u kienet l-ewwel tfajla b’din il-kundizzjoni li ħadet sehem f’konkors tas-sbuħija f’Minnesota. 
Hi qalet “Jien ma rbaħtx il-kompetizzjoni tas-sbuħija imma rbaħt ferm aktar. Hemm pajjiżi li jridu jeħilsu minn persuni bħali. Kif tkun id-dinja mingħajr  id-dawl li jiddi minn persuni bid-Down Syndrome?”
L-Arċisqof Auza qal li individwi bid-Down Syndrome “jgħixu ħajja ferrieħa u l-ferħ tagħhom jifirxuh mad-dinja kollha”.