Il-Vatikan b’verdett dwar Medjugorje sal-aħħar tas-sena

L-Arċisqof Henryk Hoser, il-mibgħut tal-Papa Franġisku f’Medjugorje, biex jinvestiga l-ispiritwalità tal-komunità u l-mod kif iħossuhom il-pellegrini li jżuru l-post, qal li sal-aħħar tas-sena l-Vatikan mistenni jagħti l-aħħar verdett fuq id-dehriet tal-Madonna u l-ispirtwalità ta’ dan is-Santwarju.
Huwa qal li għandu kull indikazzjoni li l-Vatikan se jirrikonoxxi almenu l-ewwel dehriet tal-Madonna, jiġifieri dawk li bdew fl-1981.
Mal-Aġenzija tal-Aħbarijiet KAI, l-Arċisqof Pollakk qal li hu ma kienx mibgħut biex jgħaddi l-ġudizzju fuq id-dehriet imma l-missjoni tiegħu kienet li jinvestiga u jevalwa l-ministeru pastorali tal-post u jekk dan hux konformi mad-duttrina u t-tagħlim tal-Knisja.
Jidher li l-Arċisqof ħalla Medjugorje b’rapport pożittiv.
Intant, kummissjoni oħra tal-Vatikan immexxija mill-Kardinal Camillo Ruini kienet investigat l-allegat dehriet tal-Madonna u kienet ippreżentat ir-rapport tagħha fl-2014.
Għalkemm dan id-dokument għadu mhux pubbliku, il-ġurnalist tal-Vatikan Andrea Tornielli kien irraporta, f’Mejju li għadda, li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel seba’ dehriet huma awtentiċi, iżda hija xettika dwar kemm id-dehriet għadhom għaddejja sal-lum.
Il-Papa Franġisku, tista’ tgħid li kkonferma r-rapport ta’ Tornielli meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti li kienu qed jakkumpanjawh fil-vjaġġ tiegħu lejn Fatima f’Mejju li għadda. Kien spjega kif il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-ewwel dehriet u oħrajn riċenti u wera d-dubju tiegħu fuq dawn tal-aħħar.
Huwa kien ukoll għamel referenza għall-ħidma pastorali li ssir f’dan is-Santwarju u n-numru kbir ta’ persuni li kkonvertew wara li żaruh.
L-Arċisqof Hoser qal li Medjugorje huwa wieħed mill-aktar postijiet li fih jinħass il-qawwa tat-talb fl-Ewropa.