Il-VAT fuq il-maskri jinżel għal 5%

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-VAT imposta fuq il-maskri u l-face shields se tinżel minn 18% għal 5%.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri wara li din il-ġimgħa tħabbar li issa li l-maskri jridu jintlibsu ġol-ħwienet skont il-liġi, u l-prezz massimu għall-maskri niżel għal 95ċ u tal-face shields €5.

It-tnaqqis fit-taxxa tal-VAT daħal fis-seħħ mil-lum permezz ta’ avviż legali ppubblikat.

Il-Ministru Schembri spjega li l-ispiżeriji se jiġu kkumpensati wkoll għad-differenza bejn il-limitu massimu tal-prezzijiet imħabbar u l-prezz li bih kienu nxtraw oriġinarjament l-oġġetti.

Dan se jiġi implimentat permezz tal-iskema ta’ sussidju Covid-19 tal-maskri mmirata biex tgħin lill-ispiżeriji sabiex itaffu t-telf ikkawżat mill-ispejjeż bl-ingrossa kawża tal-introduzzjoni tal-limitu massimu, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati wkoll l-interessi tal-pubbliku.

L-iskema tista’ tiġi aċċessata online u se tkun amministrata minn Mimcol li taqa’ taħt l-awspiċi tal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar.

Il-partijiet kollha eliġibbli għall-iskema ta’ sussidju tal-maskri se jingħataw rifużjoni għal stokkijiet ta’ maskra kirurġika li jintremew wara li nxtraw matul il-perjodu mis-17 ta’ April sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Mejju. Ir-rifużjoni tirrifletti d-differenza bejn il-prezz bl-ingrossa mixtri (VAT inkluż) u l-limitu ta’ €0.95, li ma jaqbiżx €0.70 għal kull maskra. L-applikanti għandhom jipprovdu referenzi għall-fatturi, inkluż l-livelli tal-kwantità tal-istokk u l-prezzijiet tax-xiri li sar matul dan l-istess perjodu.

Għall-finijiet ta’ verifika, l-applikanti jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjoni indipendenti u fuq il-post biex ikun aċċertat li t-talbiet huma veri u ġusti irrispettivament miċ-ċertifikazzjoni tal-accountant tal-applikant. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jibgħat email fuq info@mimcol.com.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn