Il-varjant tal-Covid hu aktar b’saħħtu imma t-tilqima għadha tgħodd – espert

Coronavirus, COVID-19, Community response, Health workers, PPEs, medical supplies, Lebanon
WHO

L-epidemjologu Dr Chris Barbara qal lil Newsbook.com.mt li l-varjant tal-Covid-19 juri li l-virus inbidel bi tliet modi. Dawn il-bidliet jagħmluh aktar b’saħħtu imma, skont ix-xjentist, ma jaffettwawx il-proteina li hija l-qofol tat-tilqima. Dan ifisser li t-tilqima xorta tibqa’ tgħodd.

Dr Barbara spjega li l-virus huwa organiżmu li mhux ħaj u kapaċi jfendi biss meta jaqbad ma’ organiżmu li jkun ħaj bħalma hu l-bniedem. Madankollu, virus kapaċi jirreplika, jiġifieri joħloq ieħor bħalu. Meta jagħmel dan, informazzjoni li jkollu l-virus taf tinbidel jew tintilef. Fil-każ tal-varjant tal-Covid-19, qal Dr Barbara, tliet bidliet ewlenin seħħew, bidliet li x-xjentisti normalment jirreferu għalihom permezz ta’ numri.

Il-Bidliet

  1. N501Y:Dr Barbara qal li permezz ta’ din il-bidla, il-virus jidher li addatta ruħu aktar lejn il-ġisem tal-bniedem. Dan ifisser li sar ħafna aktar infettiv. Dr Barbara semma kif studji ppublikati juru li l-infettività żdiedet b’70%. Wissa però li dawn l-istudji għad iridu jiġu vverifikati. Minkejja dan iż-żieda fl-infettività hija waħda sinifikanti.
  • Tħassir ta’ 69-70: Dr Barbara spjega li dan ifisser li l-virus addatta għall-bniedem b’tali mod li issa kapaċi jevita s-sistema immunitarja tal-ġisem. Il-virus ħassar minnu nnifsu l-informazzjoni relatata mas-sistema immunitarja tal-bniedem u mingħajr din l-informazzjoni, il-virus kapaċi jaħrab mis-sistema immunitarja tal-persuna.
  • P681h:Din il-bidla hija l-anqas waħda li kienet studjata iżda hi relatata ma’ kemm dan il-virus jinfirex malajr. Jidher li din il-bidla rrendiet lill-virus aktar aggressiv.

Il-virus qiegħed f’Malta?

Dr Barbara qal li f’Malta bħalissa qed isiru diversi analiżi u studji fuq kampjuni ta’ persuni li kienu pożittivi għall-Covid-19 u kienu ġejjin minn inħawi fejn hemm il-varjant fl-Ingilterra u l-Italja. Żied li dawn l-istudji għandhom juru jekk il-varjant jinsabx Malta jew le.

U t-tilqima, għadha tgħodd?

It-tilqima, spjega Dr Barbara, hija bbażata fuq proteina li s’issa ma kinitx affetwata minn dawn il-bidliet fil-virus. Hwa sostna li kif inhuma l-affarijiet bħalissa, it-tilqima għadha tgħodd. Wissa iżda kontra li n-nies jiltaqgħu u jinġemgħu għax hekk inkunu qed nilagħbu man-nar għax nagħtu ċans lill-virus jinxtered u jinbidel.