Il-varjant tal-Covid-19 wasal Malta; hawn 3 każi

Aġġornat 01:40 PM

Il-vaċċin li għandna Malta huwa effettiv kontrih

people-wearing-masks-valletta
Ritratt: Miguela Xuereb

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi tweet li ħareġ ftit sigħat wara li Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li l-varjant tal-Covid-19 li kien oriġinarjament instab fl-Ingilterra u nfirex għal diversi pajjiżi, issa jinstab anke f’Malta.

Newsbook.com.mt kien infurmat it-Tnejn filgħaxija li l-varjant qiegħed Malta. Is-sorsi tagħna qalulna li dan kien kważi inevitabbli. It-Tlieta kellna konferma minn sors ieħor li anke indikalna l-persuna. Minkejja li kellna żewġ sorsi sodi, minħabba d-delekatezza tal-każ, Newsbook.com.mt, minflok ippubblika l-istorja, kiteb lill-Ministeru għall-konferma. Mill-Ministeru ma rċevejna l-ebda risposta. Dalgħodu l-Ministru Fearne kkonferma bi tweet li l-varjant wasal Malta.

Huwa qal li l-persuni milquta qegħdin f’iżolament u kwarantina.

Waħda mill-każi: anzjana ta’ 75 sena

Minn naħa tagħha, Prof. Charmaine Gauci, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika qalet li s’issa nstabu tliet każi tal-varjant il-ġdid. Spjegat li jirriżulta li t-tielet każ reġistrat tal-varjant kienet anzjana ta’ 75 sena, u li l-awtoritajiet bħalissa għaddejjin bl-investigazzjonijiet biex jaraw minn fejn il-mara ħadet dan il-varjant tal-virus.

Diversi esperti li kien tkellem magħhom Newsbook.com.mt qalu li dan il-varjant jittieħed ħafna aktar malajr mill-virus oriġinali, fil-fatt xi 70% aktar. L-istess esperti qalu illi min jaqbdu dan il-virus ikollu l-istess effetti, għax huwa bażikament l-istess virus.

Qalu wkoll li kollox juri li l-vaċċin tal-Pfizer li qed jintuża f’Malta huwa effettiv kontra dan il-varjant. Żiedu jgħidu li għalhekk huwa importanti ħafna aktar minn qabel li kulħadd juża l-maskra, iżomm id-distanza soċjali u jaħsel idejh ta’ spiss.

Pressjoni fuq servizzi u l-kura tas-saħħa trid tiġi evitata – PN

L-aħbar li ġie rreġistrat l-ewwel każ tal-varjant tal-COVID-19 li huwa aktar infettiv u trasmess minn persuna għal oħra toħloq sfida akbar fil-kontroll ta’ din il-pandemija, sostna l-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija maħruġa ftit wara li ġiet żvelata l-aħbar, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li se tkompli tisħaq għal aktar sigurtà fil-miżuri li qegħdin jittieħdu kemm sabiex tiġi evitata l-importazzjoni ta’ infezzjonijiet ġodda kif ukoll trażmissjonijiet lokali. “Is-saħħa pubblika għanda tkun ta’ prijorità assoluta u l-ħarsien ta’ dawk vulnerabbli, morda u anzjani osservata bl-aħjar mod possibbli,” qal il-COVID Action Team tal-PN.

Ingħad ukoll li l-Gvern għandu jassigura responsabbiltà fl-osservazzjoni tar-regolamenti maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Ingħad anke li pressjoni fuq servizzi u l-kura tas-saħħa, li tista’ twassal għal riperkussjoniet fuq il-pazjenti, trid tiġi evitata fuq kollox anke fuq il-frontliners li qegħdin jaħdmu b’dedikazzjoni u sagrifiċċju.