Il-varjant il-ġdid tal-coronavirus instab fi Spanja, fl-Iżvezja u fil-Kanada.
Dan il-varjant instab l-ewwel f’Kent fl-Ingilterra, iżda issa nfirex ġmielu.
Erba’ każijiet instabu f’Madrid, u huma kollha każijiet ta’ nies li waslu mir-Renju Unit riċentament.
Id-Deputat Kap tas-Saħħa Spanjola Antonio Zapatero spjega li l-pazjenti mhumiex ma jifilħux serjament, u saħaq li m’hemmx lok għall-allarm. Hemm tliet każijiet oħra li huma suspettati li huma tal-varjant il-ġdid, imma r-riżultati se jkunu disponibbli t-Tlieta jew l-Erbgħa.
Minn nhar it-Tlieta li għadda, ma tħallewx jidħlu fi Spanja nies ġejjin mir-Renju Unit, ħlief għall-Ispanjoli jew dawk li joqogħdu fi Spanja.
Fl-Iżvezja wkoll instab każ wieħed tal-varjant tal-Covid-19, persuna li kienet ġejja mir-Renju Unit. Din ħassitha ħażin malli waslet l-Iżvezja u tqiegħdet f’iżolament minnufih.
Apparti hekk, ilbieraħ filgħaxija ġew ikkonfermati żewġ każijiet tal-varjant f’Ontario fil-Kanada.
Nhar il-Ġimgħa, il-varjant instab ukoll fi Franza u fil-Libanu.