Il-varjant il-ġdid tal-Covid-19 li ġie rrapurtat inizjalment fir-Renju Unit jista jgħolli l-“R factor” – li jindika kemm jinxtered malajr il-virus – bejn 0.4 u 0.7, skont studju li sar mill-Imperial College ta’ Londra.
L-istudju jidher li joffri konferma ta’ kemm il-varjant jinfirex ħafna aktar malajr minn varjanti oħrajn tal-coronavirus.
Skont dan l-istudju, matul il-lockdown li seħħ fir-Renju Unit f’Novembru, it-trażmissjoni tal-varjant il-ġdid żdiedet bit-tripplu filwaqt li t-trażmissjoni tal-varjant preċedenti naqas b’terz.
Ir-Renju Unit għadu kif irraporta numru rekord ta’ każi ta’ Covid-19 għal ħames jum konsekuttiv, b’57,725 każi rrapurtati fl-aħħar rapport tal-awtoritajiet tas-saħħa.
In-numri għoljin ta’ każi ġodda, kif ukoll l-iżvilupp tal-varjant il-ġdid, jista’ jindika li se jkun hemm bżonn ta’ restrizzjonijiet aktar b’saħħithom fir-Renju Unit.