Il-vapuri mhux se jidħlu fil-bajja tal-Balluta – Fortina

Il-Fortina Investments sostniet li l-vapuri tagħha li se jkunu qed joperaw is-servizz tal-hop-off, hop-on mhux se jkunu qed jidħol fil-bajja l-imrammla tal-Balluta.

Fi stqarrija, il-kumpanija spjegat li s-servizz ta’ iSeeMalta ra investiment ta’ €20 miljun u se jkun qed jibda jopera matul dan is-sajf. Is-servizz se jkun qed joffri mod alternattiv ta’ kif wieħed jista’ jivvjaġġa f’Malta.

Fil-bidu ta’ Marzu, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni tal-Fortina għall-moll privat fil-Bajja tal-Balluta, proġett li sab reżistenza minn għadd ta’ NGOs u mill-Kunsill ta’ San Ġiljan.

Il-Kumpanija qalet li dawn il-vapuri l-ġodda mhux se jkunu qed jidħlu fiż-żoni tal-għawm fil-bajja tal-Balluta. Qalet ukoll li lanqas m’huma se jidħlu qrib il-bajja mrammla. Sostniet ukoll li mhux se jkun hemm ticket boots fuq il-bankina ta’ San Ġiljan għall-użu ta’ dawn il-vapuri.

Kelliem għall-kumpanija qal li s-servizz se jara li jkun hemm “bus stop” fuq il-baħar li se jwassal passiġġieri fuq irmiġġ temporanju f’żona li hija mimlija b’dgħajjes differenti. Is-servizz se jkun qed jopera bejn is-Sliema Ferries, San Ġiljan, Buġibba u Kemmuna. Għall-bidu se jkun qed irikkeb diversi passiġġieri f’San Ġiljan tmien darbiet kuljum.

Il-kumpanija spjegat ukoll kif dawn il-vapuri li huma “eco-friendly” se jkunu qed jieħdu post il-vapuri tal-Captain Morgan.

Dwar it-ticket booths, il-kumpanija spjegat kif fuq il-promenade ta’ San Ġiljan mhux se jkunu installati ticket booths. Sostniet li ilha żmien twil titkellem mal-awtoritajiet sabiex it-ticket booths li hemm fis-Sliema Ferries jitneħħew u minflokhom titpoġġa booth għal kull operatur li titmexxa taħt kundizzjonijiet stretti.

Il-kumpanija qalet ukoll li kull min se jixtri l-biljetti għall-użu tal-vapuri se jkun jista’ jagħmel dan mis-sales point tal-kumpanija, lukandi, ħwienet u online.