Il-vapuri kollha fil-portijiet Maltin imħeġġa jdoqqu l-ħorn fl-1 ta’ Mejju

L-Assoċjazzjoni Maltija għas-Sidien tal-Vapuri (MISA) u l-Kamra Internazzjonali għat-Tbaħħir qed jitolbu sabiex il-kumpaniji kollha membri tagħhom, sidien tal-vapuri, managers u operaturi tal-portijiet iħeġġu l-kaptani tal-vapuri jdoqqu l-ħornijiet meta jkunu fil-port f’12pm nhar l-1 ta’ Mejju.

Fi stqarrija, l-entitajiet spjegaw li dan l-att għandu jsir bil-għan li jingħataw rikonoxximent ukoll dawk il-ħaddiema kollha, inkluż dawk marittimi, għas-sagrifiċċju li qed jagħmlu fix-xogħol tagħhom fiż-żmien tal-coronavirus. L-industrija tat-tbaħħir qed tara li ħadd ma jinsa l-kontribut li qed jagħmlu l-ħaddiema marittimi u dawk li jbaħħru matul dan iż-żmien.

Fl-Ewropa hawn total ta’ 685,000 ħaddiem marittimu. 555,000 minnhom jaħdmu fuq il-baħar sabiex jassiguraw li jissuplixxu ikel, fjuwil u apparat ieħor f’diversi pajjiżi Ewropej. Huma appellaw sabiex kull minn itella’ xi ritratt jew filmat fuq il-midja soċjali biex jirringrazzja jew jirrikonoxxi lil dawn il-ħaddiema juża’ l-hashtags #HeroesAtSeaShoutout u #EveryShipmentCounts.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn