Il-vapuri diżinfettati darba f’ġimgħa; mhux eskluż li jerġa’ jiżdied

Read in English.

Id-diżinfettar tal-vapuri tal-Gozo Channel qed issir darba f’ġimgħa iżda mhux eskluż li jerġa’ jiżdied fil-ġranet li ġejjin.

Ma’ Newsbook.com.mt, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li għadha trid tittieħed deċiżjoni dwar iż-żieda fil-frekwenza tad-diżinfettar li ssir fuq il-vapuri peress li r-rata ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus f’Malta u f’Għawdex qed tiżdied. Huwa spjega li fil-ġranet fejn il-każijiet kienu baxxi kienet ittieħdet deċiżjoni li d-diżinfettar jonqos u b’hekk fl-aħħar ġimgħat kien qed isir darba f’ġimgħa.

Joe Cordina qal li ż-żieda tal-miżuri ta’ prekawzjoni għandha tiżdied kullimkien u mhux biss fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.

Infurzar tal-maskri batut

Ħaddiema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li huma skomdi jaħdmu f’dan l-ambjent peress li mhux qed ikunu ċerti biż-żamma tal-indafa. Żiedu jgħidu li qed tkun diffiċli wkoll biex iżommu l-infurzar tal-użu tal-maskri fl-istess waqt li jkomplu bix-xogħol regolari tagħhom. Dan hekk kif minkejja li l-użu tal-maskri abbord l-erba’ vapuri huwa obbligatorju, uħud xorta jinjoraw dan l-avviż.

Ħmistax ilu żewġt irġiel spiċċaw l-isptar wara ġlieda dwar maskra fuq vapur tal-Gozo Channel. Dakinhar, iċ-Chairman tal-Gozo Channel kien appella biex ikomplu jintlibsu l-maskri abbord il-vapuri. Appella lill-Gvern biex jipprovdi uffiċjali tal-infurzar fuq il-vapuri.

Dan ma kienx l-unika każ hekk kif tliet ijiem wara seħħ argument ieħor fejn persuna li kienet fuq il-vapur qalet li raġel li kien f’karozza kien qed jgħajjat ma’ ħaddiem tal-Gozo Channel minħabba l-ilbies tal-maskri. Abbord l-istess vapur kien hemm għadd ta’ passiġġiera bilqiegħda madwar l-imwejjed li ma kinux lebsin maskra.

L-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex fil-pandemija: