Issir evakwazzjoni medika minn fuq il-vapur ‘il barra minn Delimara

Aġġornat 04:31 PM
Alarm Phone

Read in English.

Aktar kmieni llum saret evakwazzjoni medika minn fuq il-vapur li fuqu hemm grupp ta’ immigranti ‘l barra minn Delimara.

Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta. Hi qalet li f’din l-evakwazzjoni medika ddaħħlu Malta għall-kura żewġ persuni.

Intant, il-ġurnal Avvenire.it semma wkoll levakwazzjonijiet mediċi. Qal li dawn il-persuni kienu f’kundizzjoni kritika. Il-ġurnal spjega wkoll kif il-vapur Talia huwa vapur li jitrasporta l-annimali inkluż ħnieżer u iġmla.

Il-vapur bi 52 immigrant jitħalla jankra ‘l barra minn Delimara

Il-vapur li salva 52 immigrant minn fuq dingi tħalla jankra ‘l barra minn Delimara matul il-lejl li għadda.

Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Gvern. Il-kelliem qal li l-vapur jinstab fl-ibħra territorjali Maltin jistenna għal direzzjonijiet uffiċjali.

Ilbieraħ Alarm Phone spjegat kif filwaqt li 52 persuna kienu f’diffikultà fuq il-baħar, iċ-ċentru tas-salvataġġ ta’ Malta baqa’ jaqta’ l-linja tat-telefon ripetutament meta saru telefonati dwar il-każ. Fuq Twitter l-Alarm Phone qalet li mbagħad il-bastiment tal-merkanzija Talia salva lit-52 persuna.

Aktar tard qalet li ġiet infurmata mill-ekwipaġġ tat-Talia li Malta qalet li se tibgħat bastiment tal-AFM biex isalva lin-nies u jniżżilhom Malta. Però jidher li dan ma sarx. It-Talia marret lejn Lampedusa imma ma tħallietx tidħol fl-ibħra Taljani. Skont l-Alarm Phone l-Italja tat struzzjonjiet lit-Talia biex din tmur lejn Malta.

Skont tweets ta’ Alarm Phone ippubblikati llum, it-Talia issa reġgħet lura fl-ibħra territorjali Maltin u ngħatat l-awtorizzazzjoni biex tidħol aktar qrib tal-art minħabba l-maltemp. L-Alarm Phone sostniet li t-52 persuna għandhom bżonn refuġju fuq l-art u mhux din it-tip ta’ soluzzjoni. Irrimarkat ukoll li hemm ċertu persuni li jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa kritika.

F’sensiela ta’ tweets oħrajn, Alarm Phone sostniet li l-vapur tal-merkanzija Talia kien qed jimxi mal-liġi marittima u internazzjonali billi salva l-persuni f’riskju fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija. L-għaqda qalet li Malta qed tipprova taħrab mill-obbligi tagħha billi tirrifjuta l-iżbark.

L-għaqda kompliet tgħid kif wara li l-kaptan u l-ekwipaġġ tal-vapur taw l-għajnuna lil dawn l-immigranti, l-awtoritajiet Maltin poġġew ħajjet dawn il-ħaddiema f’periklu. Dan hekk kif il-vapur ma tħalliex jiżbarka jew jieħu refuġju waqt il-maltemp tal-lejl li għadda. L-għaqda insistiet li t-Talia ma tistax tibqa’ tieħu ħsieb dawn l-immigranti.

L-għaqda temmet tgħid li l-gvern Malti għandu jieqaf jilgħab mal-ħajjiet ta’ dawn il-persuni billi ma jonorax jew idum biex jonora l-obbligi marittimi tiegħu.