Aġġornata: Il-vapur b’450 immigrant għandu jitrakka Malta – Salvini

Photo: Archives

Il-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini qal li Malta għandha tiftaħ il-portijiet tagħha għal bastiment li fih 450 immigrant abbord għax l-Italja mhux se tippermetti li l-iżbark iseħħ f’xi port Taljan.

Skont Salvini l-vapur bħalissa jinsab f’ibħra territorjali Maltin u saħaq li l-Italja d-dover tagħha diġà wettqitu u issa jmiss lil Malta li taċċetta dawn l-immigranti.

Huwa qal li lest jippermetti l-awtoritajiet Taljani jgħinu fil-ħidma ta’ salvataġġ jekk l-iżbark ikun f’Malta.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-kelliema tal-Uffiċju tal-Prim Ministru fejn ġiet mistoqsija dwar x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar din is-sitwazzjoni. Il-kelliema qalet li għalissa din qed tiġi kkunsidrata.

Il-Ministru għat-Trasport Taljan Danilo Toninelli qal li skont il-liġi marittima Malta hija f’obbligu li tgħin lill-immigranti għax il-bastiment jinsab f’ibħra territorjali Maltin.

S’issa għad ma kien hemm l-ebda reazzjoni min-naħa tal-Gvern Malti.

F’reazzjoni, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia qal li meta l-awtoritajiet Maltin kienu infurmati, il-vapur kien 53 mil nawtiku minn Lampedusa u 110 mil nawtiku minn Malta u meta seħħ kuntatt, l-awtoritajiet Maltin kienu infurmati li l-vapur irid imur Lampedusa.