Il-vandalu tal-Belt Valletta jinħeles mill-arrest temporanjament

Raġel ġie akkużat li wettaq vandaliżmu billi pinġa graffiti bil-kelma “kotone” mal-ħitan tal-Belt Valletta. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest.

It-Taljan ta’ 37 sena mis-Swieqi deher quddiem il-Maġistrat Nadine Lia llum, akkużat li għamel il-ħsara lil propjetà kulturali u faċċati tad-djar fil-belt kapitali.

Aqra: Arrestat ir-raġel li penġa graffiti fil-Belt Valletta

L-Ispettur Priscilla Caruana qalet li r-raġel inqabad wara li ntlemaħ fuq il-filmati tal-kameras tas-sigurtà. Huwa wieġeb ħati, minkejja li l-Maġistrat infurmatu bid-dritt tiegħu li jwieġeb li mhuwiex ħati.

Il-Qorti ordnat li jsir rapport ta’ qabel ma tinqata’ s-sentenza.

Aqra: Filmat: Wettaq vandaliżmu madwar il-Belt kollha – Kunsill Lokali Valletta

Ir-raġel ingħata l-ħelsien temporanju mill-arrest b’depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €10,000.