“Il-Valletta Summit huwa importanti għax se jqarreb il-pajjiżi Ewropej u Afrikani”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ f’laqgħat separati f’Kastilja mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u mal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz.
Joseph Muscat saħaq li l-Valletta Summit għandu jasal li joffri soluzzjonijiet importanti għall-isfida tal-immigrazzjoni.
Sostna iżda li m’hawnx soluzzjoni sempliċi u li s-summit huwa importanti għaliex se jgħin biex il-pajjiżi Ewropej u Afrikani jitkellmu fuq din l-isfida.
Il-Prim Ministru qal li l-ebda pajjiż ma jista jsolvi l-kriżi waħdu u reġa’ tenna li din hija problema tad-dinja u għalhekk jeħtieġ mekkaniżmu globali tar-rilokazzjoni.
Kemm Tusk kif ukoll Schulz qablu li din l-isfida qed tikber ma kull ġurnata li tgħaddi iżda faħħru r-rwol ta’ Malta biex dan is-summit seta’ jsir.
Il-President tal-Kunsill Ewropew qal li fost il-pajjiżi Ewropej kien hemm nuqqas ta’ qbil fuq id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu dwar l-immigrazzjoni u sostna kif il-Valletta Summit se jkun pass ‘il quddiem biex il-pajjiżi Ewropej flimkien jindirizzaw din l-isfida.

Ritratt: Twitter