“Il-Valletta Summit b’impenn għal soluzzjonijiet konkreti dwar l-immigrazzjoni”

L-Isqfijiet Maltin esprimew l-apprezzament tagħhom għar-rieda tajba u l-impenn li qed jintwerew biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti sabiex tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni.
F’messaġġ fl-okkażjoni tal-Valletta Summit, l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof t’Għawdex Mario Grech qalu li f’dawn is-sigħat Malta qed tgħix il-missjoni nobbli tagħha li tkun pont bejn iż-żewġ kontinenti.
Spjegaw li Malta qed tkun post fejn “bħala bnedmin inwarrbu d-differenzi ta’ bejnietna, noħorġu mill-għeluq tat-tiftix esklussiv tal-interessi nazzjonali, u nissaħħu fl-ispirtu ta’ ospitalità u ta’ responsabiltà li għandna sabiex niggarantixxu u naħdmu favur ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna umana, speċjalment ta’ dawk li huma l-aktar dgħajfa u vittmi ta’ vjolenza, inġustizzji u faqar.”
L-Isqfijiet ħeġġew lill-komunità Nisranija sabiex jgħinu bit-talb ħalli l-pajjiżi konċernati jaslu għal soluzzjonijiet u tissawwar dinja aħjar għall-ġid ta’ kulħadd.