Il-vaċċin tal-influwenza jkompli jingħata mill-Ħadd li ġej

vaccine

Read in English.

Mill-Ħadd li ġej se jkompli jingħata l-vaċċin tal-influenza fiċ-Ċentri tas-Saħħa.

Dan tħabbar mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne permezz ta’ kitba fuq Twitter. Il-Ministru qal li llejla se tkun qed tibda tasal it-tieni konsenja tal-vaċċin tal-influwenza u żied li b’kollox se jkunu qed jaslu 100,000 vaċċin.

Min jista’ jitlaqqam u meta?

Għall-ewwel ġimgħa, mill-Ħadd 29 ta’ Novembru sal-Ħadd 6 ta’ Diċembru, se jingħataw prijorità persuni ta’ ’l fuq minn 55 sena, tfal li għandhom bejn 3 u 5 snin (iz-żewġ etajiet inklużi) u persuni li  huma ċċertifikati li jbatu minn mard kroniku.  

It-tfal ta’ bejn 3 u 5 snin, u tfal sa 9 snin li jbatu b’mard kroniku jistgħu jirċievu l-vaċċin miċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta, il-Furjana, Raħal Ġdid u Għawdex bejn it-8am u s-7pm.

Iċ-ċentri tas-saħħa kollha se jkunu miftuħa mit-8am sa 7pm mill-Ħadd ’il quddiem.

Huwa importanti li kull min imur jieħu l-vaċċin kontra l-influwenza jieħu miegħu l-karta tal-identità, u fil-każ tal-persuni li jbatu b’mard kroniku trid tkun ppreżentata l-kartuna s-safra jew ċertifikat tat-tabib li turi l-kundizzjoni medika tal-persuna.

Mit-Tnejn 7 ta’ Diċembru l-vaċċin jibda jingħata lill-pubbliku inġenerali.

L-ewwel konsenja tal-vaċċin li kienet tinkludi aktar minn 100,000 tilqima tqassmet lill-poplu Malti f’ġimgħa. Dan fisser rekord ta’ persuni li rċevew il-vaċċin fl-aħħar snin.