Il-vaċċin ta’ Moderna baqa’ effettiv anke 3 xhur wara t-tilqima – studju

Ritratt: Pexels

Read in English.

Propju tliet xhur wara t-tieni tilqima, il-livelli tal-antikorpi kontra l-coronavirus fil-persuni li ħadu l-vaċċin f’fażi ta’ ttestjar baqgħu b’saħħithom, minkejja li ddgħajfu xi ftit mill-bidu tal-proċess.

F’ittra lill-editur li kienet ippubblikata fil-ġurnal New England Journal of Medicine, il-kumpanija Moderna spjegat kif il-parteċipanti fl-ewwel fażi tal-istudju tal-vaċċin żammew livell għoli ta’ antikorpi li jinnewtralizzaw il-virus għal 119-il jum wara l-ewwel tilqima u 90 jum wara t-tieni tilqima. L-istudju kien immexxi min-National Institute of Allergy and Infectious Diseases (NIAID) li jagħmel parti min-National Institutes of Health (NIH).

Ir-riċerkaturi spjegaw li l-vaċċin jipproduċi fil-ġisem antikorpi li jinnewtralizzaw il-virus. Dawn l-antikorpi huma mistennija li jidgħajfu aktar kemm jgħaddi żmien. Madanakollu, jidher li dawn baqgħu b’saħħithom fil-parteċipanti kollha għat-tliet xhur minn mindu ħadu t-tilqima booster.

Spjegaw ukoll kif dan ir-riżultat huwa konsistenti qalb l-etajiet kollha li saru t-testijiet fuqhom (18-55, 56-70 u 71+). Komplew jgħidu kif dan ir-riżultat juri kif dan il-vaċċin għandu l-potenzjal li jipprovdi immunità fuq perjodu tqil ta’ żmien. Innujtaw ukoll li ma kienx hemm avvenimenti serji u ta’ nota fl-effetti tal-vaċċin.

Fl-10 ta’ Diċembru, grupp ta’ konsulenti tal-FDA se jkunu qed jiltaqgħu biex jiddiskutu jekk għandhomx jirrakkommandaw l-użu b’emerġenza tal-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech. Il-vaċċin huwa effettiv 95% fil-prevenzjoni tal-virus. Skont uffiċjali tas-saħħa, l-ewwel tilqim mistenni jibda fil-ġranet jew il-ġimgħat li ġejjin.

Intant, il-ġimgħa ta’ wara, il-vaċċin ta’ Moderna Inc mistenni jgħaddi mill-istess proċess. Dan il-vaċċin ukoll jidher li huwa 95% effettiv fil-prevenzjoni tal-coronavirus.