Il-vaċċin Russu: Rapport jgħid li testijiet urew sinjali ta’ immunità

FILE PHOTO: Scientists are seen working at Cobra Biologics, they are working on a potential vaccine for COVID-19, following the outbreak of the coronavirus disease (COVID-19), in Keele, Britain, April 30, 2020. REUTERS/Carl Recine

Xjentisti Russi ippubblikaw l-ewwel rapport tal-vaċċin tal-coronavirus, li diġà qed jitqassam fil-pajjiż, fejn qalu li testijiet preliminari kienu wrew sinjali ta’ immunità.

Ir-rapport li kien ippubblikat mill-ġurnal mediku The Lancet qal li kull parteċipant żviluppa antikorpi li jiġġieldu l-virus u ma kienx hemm effetti sekondarji serji wara l-konsum tal-vaċċin. Dan il-vaċċin kien illiċenzjat fir-Russja f’Awwissu u beda jintuża fil-pubbliku. Dan wassal biex ir-Russja jkun l-ewwel pajjiż biex jasal għal dan il-vaċċin u jibda jqassmu, minkejja li t-tqassim ġie qabel ma ħarġu rapporti uffiċjali dwar il-vaċċin inniffsu.

Esperti jemmnu li t-testijiet tal-vaċċin kienu wisq żgħar biex ikun ikkonfermat li l-vaċċin mhux biss huwa sigur għas-saħħa tal-bniedem iżda wkoll effettiv. Min-naħa tiegħu, il-President Vladimir Putin kien insista li l-vaċċin għadda mit-testijiet kollha neċessarji u li saħansitra bintu kienet waħda minn dawk li ħadet dan il-vaċċin.

Il-vaċċin għadda minn żewġ fażijiet ta’ testijiet bejn Ġunju u Lulju. Iż-żewġ fażijiet kienu jinkludu 38 voluntier li ma kienux morda bil-virus. Huma ngħataw vaċċin imbagħad booster għall-vaċċin tliet ġimgħat wara. Huma kienu segwiti għal 42 jum u skont ir-rapport, kollha kemm huma żviluppaw l-antikorpi għall-virus fi żmien tliet ġimgħat. Il-parteċipanti kienu persuni ta’ etajiet varji bejn it-18 u s-60 sena. Fejn jidħlu effetti sekondarji, jidher li fost l-aktar komuni kien hemm uġigħ ta’ ras u uġigħ fil-ġogi.

Ir-rapport jgħid li l-fażi ta’ ttestjar ma kinitx tinvolvi placebo u l-vulntiera kienu konxji li dak li kienu qed jirċievu kien il-vaċċin. Ittestjar akbar ta’ vaċċin u mediċini jinkludi fażi fejn wieħed iqabbel dak li jgħidulu placebo, jiġifieri li l-bniedem ikun mingħalih qed jirċievi kura għal xi ħaġa, iżda fil-fatt il-mediċini tkun waħda fittizja.

Jidher li l-vaċċin se jkun qed jgħaddi mit-tielet fażi ta’ ttestjar fejn se jkunu involuti mal-40,000 voluntier minn etajiet varji.