Il-vaċċin qed joffri tama lejn in-normalità – PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-vaċċin qed joffri tama lejn in-normalità, u appella sabiex din is-sena ndawru l-isfidi f’opportunitajiet.

Permezz ta’ messaġġ elettroniku, fl-indirizz annwali lill-Korp Diplomatiku u lill-Konsli Onorarji, il-Prim Ministru qal li “rridu naħdmu sabiex ikollna soċjetà li tkun aktar ġusta u li tagħti aktar importanza lill-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli”.

Il-Prim Ministru semma ħidma li saret Malta fl-aħħar xhur, fosthom ir-riformi istituzzjonali, avvanzi fil-libertajiet ċivili, tibdil propost fil-liġi tad-divorzju u xogħol fis-settur ekonomiku.

Dr Abela tkellem dwar l-importanza tar-reġjun tal-Mediterran u stqarr li ma jistax ikun hawn paċi fl-Ewropa mingħajr paċi fil-Mediterran. Tkellem fuq il-ħidma u l-kooperazzjoni mal-Libja u l-kontinent Afrikan.

Il-Prim Ministru spiċċa d-diskors tiegħu dwar il-kandidatura ta’ Malta biex isservi ta’ membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa qal li din tkun opportunità tajba biex jikber il-profil ta’ Malta u tal-Korp Diplomatiku Malti u biex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta mal-komunità internazzjonali.