“Il-vaċċin mhux qabel is-sena d-dieħla” – Fearne

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-vaċċin kontra l-Covid-19 mhux se jkun disponibbli qabel is-sena d-dieħla.

“Ħa nagħmluha ċara, il-vaċċin għadu ma jeżistix, għadna mhux ċerti jekk hux se jkun żviluppat u l-aħjar possibiltà li dan ikun fis-suq hu matul is-sena li ġejja, jiġifieri mhix kwistjoni ta’ ġranet jew ġimgħat,” spjega Fearne.

Meta kien qed jitkellem f’għeluq id-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-mediċina, Fearne spjega li Malta kienet minn tal-ewwel li tkellmet favur negozjati fuq livell ta’ Unjoni Ewropea mal-kumpaniji farmaċewtiċi li qed jiżviluppaw il-vaċċin, li jinxtara flimkien bħala Unjoni Ewropea.

Huwa qal li meta l-Olanda, Franza, l-Italja u l-Ġermanja daħlu flimkien f’negozjati biex jixtru mingħand kumpanija farmaċewtika, li dehret avvanzat fl-iżvilupp ta’ dan l-vaċċin, Malta daħlet ma’ dan il-grupp ta’ pajjiżi biex tiżgura provvista tajba għall-Maltin. Fearne qal li dan wassal biex l-Unjoni Ewropea tiċċaqlaq u tidħol f’negozjati ma’ numru ta’ kumpaniji farmaċewtiċi fl-Ewropa.

“Għad hemm kompetizzjoni bejn l-Ewropa u l-Amerika u hemm kumpaniji li għarrfuna li jippreferu jaħdmu mal-Amerikani, iżda Malta tinsab mal-Blokk Ewropew u meta jinstab il-vaċċin u jidħol fl-Ewropa, Malta tkun parti mill-pajjiżi Ewropej li jkollhom il-vaċċin,” kompla jgħid.

Id-doppju fil-vaċċin kontra l-influwenza

Skont Fearne, l-esperti huma mħassba li għax-xitwa li ġejja l-mewġa staġjonali tal-influwenza titħallat mal-pandemija tal-Covid-19 u għal dan il-għan, il-Gvern beda kampanja biex jitlaqqam kulħadd kontra l-influwenza. B’hekk, il-Gvern ordna konsenja doppja ta’ vaċċin kontra l-influwenza u minn 100,000 doża, se jkollu 200,000 waħda.

Fearne qal li jidher li Malta rnexxielha tikkontrolla l-pandemija tal-Covid-19 u li bħalissa għandha biss 15-il każ attiv.

“Se noħorġu sejħa għall-ventilators u sodod tal-ITU”

Il-Ministru għas-Saħħa qal li ħoloq pandemic reserve bl-għan li Malta tkun preparata f’eventwalità li sseħħ pandemija oħra. “Jekk ikollna mewġa oħra ta’ pandemija ta’ coronavirus jew pandemija oħra, ikollna riserva biex nilqgħu għaliha mill-ewwel. Fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ sejħa għas-settur privat biex jidħol mal-Gvern biex ikollu riserva ta’ ventilators u sodod tal-ITU, ħalli f’temp ta’ ftit jiem, Mater Dei jkun jista’ jaqleb għal sitwazzjoni ta’ emerġenza,” hu temm jgħid.