Il-vaċċin tal-Ebola forsi lest is-sena d-dieħla – Tonio Borg

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Tonio Borg qal li l-vaċċin kontra l-Ebola jista’ jkun fis-suq mis-sena d-dieħla. 
Anke l-Għaqda Dinija tas-Saħħa (WHO) ftit ilu avżat li tista’ tgħaġġel il-proċess tal-vaċċin biex ikun lest sal-2015.
Waqt li kien qed jindirizza l-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa, Dr Borg qal li l-Unjoni Ewropea għandha pjanijiet li sa issa għadhom ma ġewx klinikament ittestjati.
Dr Borg sostna li l-każi ta’ infezzjoni jidhru li qed jonqsu u li minħabba l-livell ta’ indafa, għall-Ewropa, ir-riskju ta’ tixtrid tal-virus kien baxx.
Nhar il-Ħamis li ġej, il-virus tal-Ebola se jiġi diskuss fuq livell Ewropew hekk kif il-Kummissarju Tonio Borg, flimkien mal-Ministru Taljan tas-Saħħa Beatrice Lorenzin stiednu għal-laqgħa lill-Ministru Ewropej tas-Saħħa.
Is-suġġetti li se jiġu diskussi huma modi ta’ kif l-Unjoni Ewropea tirrispondi għal dan il-virus, il-bżonn ta’ aktar koperazzjoni u kordinazzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni kif ukoll aktar miżuri ta’ sigurtà għall-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.