Read in English.
L-Assoċjazzjoni tal-lukandi u ristoranti, l-MHRA, sostniet li issa li nħareġ il-vaċċin kontra l-pandemija tal-COVID-19, qed ikun antiċipat biex sa Ġunju tal-2021, il-popolazzjoni kollha f’Malta tkun ħadet il-vaċċin.
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra qal, permezz ta’ stqarrija, li din hi aħbar sabiħa mmens hekk kif dan se jwassal biex nerġgħu imorru lura għall-ħajja normali anke la darba tintlaħaq il-‘herd immunity.’ Zahra qal li l-aktar fattur importanti ser ikun meta n-nies jerġgħu ikunu jistgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom mingħajr il-biżà li jinxtered il-virus.
Fl-istqarrija l-President tal-MHRA semma’ kif eluf ta’ ħaddiema fis-settur tat-turiżmu, li kienu dawk l-aktar affettwati mill-pandemija tal-COVID-19, wkoll se jkunu jistgħu jirritornaw għan-normalità. Tony Zahra qal li la darba nerġgħu naqbdu r-ritmu ekonomiku, l-ispiża tal-gvern biex jilqa’ għall-effetti tal-pandemija, tibda tonqos u allura effettivament jiġi affettwat anke min iħallas it-taxxi.
Tony Zahra qal li hekk kif jirċievi l-invit minn naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa biex imur u jirċievi l-vaċċin, hu żgur li se jagħmel dan. “Jien se nieħu l-vaċċin għaliex irrid nuri rispett lejn l-oħrajn u lejn il-familja tiegħi,” temm jgħid il-President tal-MHRA.