Il-vaċċin fl-Ewropa; kemm qegħdin jitlaqqmu nies?

Ħarsa lejn x'qed jiġri fil-pajjiżi Ewropej, inkluż f'Malta

Ritratt: Pexels

Bir-rata tal-infezzjonijiet fl-Ewropa dejjem tiżdied, il-pajjiżi jinsabu f’ġirja kontra l-ħin biex ilaqqmu l-poplu tagħhom. Madanakollu, ħafna qegħdin jgħidu li l-proċess tat-tqassim tal-vaċċin fl-Ewropa mhuwiex daqstant mgħaġġel.

Filwaqt li l-istati membru qegħin jiddeċiedu b’mod individwali lil min u meta jagħtu l-vaċċin, l-Unjoni Ewropea qiegħda tikkordina strateġija filwaqt li qiegħda tixtri numru kbir ta’ dożi tant li nhar il-Ġimgħa, il-Kummissjoni tal-UE aċċettat li tixtri 300 miljun doża oħra mingħand Pfizer-BionNTech.

Ġermanja

Statistika maħruġa riċentament turi kif 65% tal-popolazzjoni Ġermaniża tinsab preparata biex tieħu l-vaċċin. Il-vaċċin beda jingħata ħmistax ilu u l-prijorità qiegħda tingħata lil dawk ‘il fuq minn 80 sena u nies li jaħdmu fid-djar tal-anzjani. Sal-Ħamis filgħaxija ġew imlaqqma bl-ewwel doża iktar minn 477,000 persuna.

L-UE allokat 56 miljun doża għall-Ġermanja u ġew amministrati s’issa 1.3 miljun doża. Il-Prim Ministru Angela Merkel u l-Ministru għas-Saħħa Jens Spahn qegħdin jiġu akkużati li m’assigurawx ammont biżżejjed ta’ dożi.

Repubblika Ċeka

L-ewwel vaċċin fir-Repubblika Ċeka ġie amministrat fuq il-Prim Ministru Andrej Babis innifsu. Minkejja li Babis ma jinsabx f’pożizzjoni li jikkritika l-Kummissjoni Ewropea għad-dewmien fil-wasla tal-vaċċin minħabba li kien suġġett ta’ investigazzjoni dwar allegazzjoni ta’ użu ħażin ta’ fondi mill-UE, xorta waħda qal li wara li r-Repubblika Ċeka kkontribwixxiet is-somma ta’ 12-il miljun f’Novembru li għadda stenniet li tirċievi l-vaċċin.

Dan il-pajjiż irċieva 30,000 doża ta’ Pfizer u s’issa ġew imlaqqma 19,918 persuna. Minkejja li hemm strateġija li tikkonsisti fi tliet fażijiet biex il-poplu jitlaqqam b’mod effiċjenti, jidher li fil-verità l-proċess sabiex jiġu mlaqqma dawk kollha li jaħdmu fil-qasam mediku, dawk ‘il fuq minn 65, dawk kollha li għandhom kundizzjonijiet mediċi serji u l-għalliema, se jieħu xhur twal.

Franza

Waqt li l-pajjiż qarib ta’ Franza, il-Ġermanja, kien diġà laqqam 250,000 persuna, Franza laqqmet biss 530 persuna. Din il-figura telgħet għal 45,500 iżda xorta waħda baqgħet baxxa. X’qiegħed iżomm lura l-pajjiż milli jibda jlaqqam lil niesu b’rata effiċjenti? Zgur li mhux għaliex m’hemmx biżżejjed dożi. Fil-fatt hemm iżjed minn miljun doża tal-Pfizer li jinsabu lesti biex jiġu amministrati.

X’aktarx ir-raġuni primarja għal dan id-dewmien hija n-natura kkumplikata u ċentralizzata tal-burokrazija tas-saħħa fi Franza. Dawk li jaħdmu fid-djar tal-anzjani kellhom jaqraw 45 paġna ta’ istruzzjonijiet maħruġa mill-ministeru u biex wieħed jingħata l-vaċċin irid jagħti l-kunsens tiegħu waqt konsultazzjoni ma’ tabib li għandha ssir mhux iktar minn ħames t’ijiem qabel.

Sforz ta’ xettiċiżmu fuq il-vaċċin li ġej mill-Gvern, 58% tal-poplu ma jridx li jingħata l-vaċċin.

Il-President, Emmanuel Macron, wera r-rabja tiegħu lejn dan id-dewmien kollu u issa jidher li l-proċess ta’ kunsens se jiġi iżjed simplifikat. Intant, mistennija li jinfetħu bejn 500 u 600 ċentru biex jingħata l-vaċċin fihom.

Iktar fuq il-President Franċiż
Macron jinstab pożittiv għall-coronavirus

Spanja

S’issa Spanja allokat u qassmet b’kollox 734,925 doża f’reġjuni differenti u skont il-Ministeru għas-Saħħa ġew imlaqqma 277,976 persuna. Il-Gvern biħsiebu jlaqqam 2.3 miljun persuna fi 12-il ġimgħa. Il-prijorità qiegħda tingħata lir-residenti u l-ħaddiema fid-djar tal-anzjani.

Mhux kull reġjun għaddej bl-istess rata ta’ amministrazzjoni. Filwaqt li f’Asturias, li jinsab fit-Tramuntana tal-pajjiż, diġà ġew mogħtija 55% tad-dożi li waslu fit-3 ta’ Jannar, f’Madrid ġew mogħtija biss 5% tad-dożi.

Malta

Fit-26 ta’ Diċembru 2020 waslet l-ewwel konsenja ta’ 10,000 doża f’Malta. Il-pjan huwa li għall-ewwel ġimgħat se jiġu mlaqqma mal-2,000 persuna fil-ġimgħa u jiżdiedu għal 20,000 fil-ġimgħa bil-pjan jkun li sas-sajf jitlaqqam il-maġġoranza tal-popolazzjoni u jintlaħaq herd immunity.

L-ewwel persuna li ħadet il-vaċċin hija infermiera fl-Isptar Mater Dei.