Il-vaċċin AstraZeneca mhux se jkun approvat mill-UE f’Jannar

Read in English.

Il-vaċċin tal-AstraZeneca u l-Università ta’ Oxford li ġie approvat mir-Renju Unit l-Erbgħa li għaddew, mhux mistenni li jiġbor il-kunsens tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini f’Jannar.

Dan stqarrietu l-istess Aġenzija li qaletli għadha trid tiġbor iktar informazzoni xjentifiċi dwar kwistjonijiet ta’ kwalità, sigurtà u l-effikaċità tal-istess vaċċin.

Kelliem għall-Aġenzija li jinsab f’Amsterdam qal li ma ġiet maqbula l-ebda skeda ta’ xogħol biex l-vaċċin tal-AstraZeneca jiġi approvat mill-Aġenzija Ewropea.

Ir-Renju Unit hu l-uniku pajjiż fid-dinja li s’issa approva l-vaċċin tal-AstraZeneca li hu irħas biex tipproduċi u iktar faċli biex jinħażen u jiġi trasportat minn dak tal-Pfizer-BioNtech.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-Gvern kien xtara miljun vaċċin mingħand AstaZeneca.

Fil-21 ta’ Diċembru, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini approvat l-vaċċin tal-Pfizer- BioNtech tant li dan diġà qed jingħata fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fosthom f’Malta.

Waqt li fis-6 ta’ Jannar, l-Aġenzija se tippronunċja ruħha il-vaċċin tal-Moderna. Il-Gvern Malti xtara 600,000 vaċċin mill-Pfizer u 100,000 vaċċin minn Moderna.