Read in English.
L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) appellat lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex issa li l-iskejjel reġgħu se jiftħu wara l-vaganzi tal-Milied, l-istudenti ma jidħlux kollha f’daqqa sabiex kemm jista’ jkun, tiġi kkontrollata l-firxa tal-coronavirus.
Fi stqarrija, il-UPE qalet li diversi membri tagħha huma inkwetati fuq il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, partikolarment minħabba li ħafna nies ma qagħdux attenti u ma segwewx il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa fil-festi.
L-unjin ikkwotat lill-membri tagħha jgħidu li huma mħassbin peress li minkejja l-appelli, in-nies xorta ħarġu bi ħġarhom biex jiċċelebraw l-ewwel tas-sena, u nġabru f’folol f’postijiet bħal Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, u wħud minnhom saħansitra ma libsux maskra.
Il-UPE spjegat li dawn li ħarġu tħalltu huma l-istess nies li se jkunu fil-klassi nhar il-Ħamis meta jiftħu l-iskejjel, dawk li wliedhom jew ħuthom se jkunu fi klassi ta’ 26 student. L-edukaturi huma mbeżżgħin li dawk li ħarġu jiċċelebraw, jekk laqqtu l-virus, jibdew joħorġulhom is-sintomi fl-istess żmien li se jiftħu l-iskejjel, u b’hekk jibdew jinħolqu clusters ta’ każijiet fl-iskejjel.
Fl-aħħar, l-unjin temmet b’appell lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex meta jerġgħu jiftħu l-iskejjel, l-istudenti jibdew deħlin lura gradwalment, bħalma ġara f’Ottubru, meta l-istudenti daħlu lura fi ġranet differenti, skont is-sena li qegħdin fiha. L-unjin qalet li ma tistax tifhem kif il-Ministeru baqa’ sieket, u lanqas biss ikkunsidra konsultazzjoni mal-unjin. Hi ssuġġeriet li dawk l-istudenti li jidħlu aktar tard għall-iskola, jekk jintlaqa’ l-appell tagħha, isirulhom lezzjonijiet online sakemm jerġgħu jmorru l-iskola.
Il-president tal-UPE Graham Sansone għamel ukoll appell dirett lill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.