Il-UPE trid li l-għalliema jingħataw il-vaċċin mill-ewwel

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) trid li l-għalliema jingħataw il-vaċċin kontra l-coronavirus mill-ewwel, flimkien mal-ħaddiema tas-saħħa, dawk li jinfurzaw il-liġi u l-anzjani.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-UPE ħeġġet lill-Gvern jikkunsidra lill-edukaturi bħala frontliners bħalissa, peress li huma qegħdin ikunu esposti għall-virus ta’ kuljum, u b’hekk qed jiżdied iċ-ċans li jaqbadhom il-virus u li jxerrduh mingħajr ma jkunu jafu.

L-unjin semmiet l-għadd ta’ każijiet li nstabu fl-iskejjel, u l-perjodu li jsegwi – dak ta’ kwarantina u iżolament. Qalet li dan kollu jxekkel lill-għalliema milli jimxu mas-sillabu fiż-żmien meħtieġ, u għalhekk jikkawżalhom stress u ansjetà f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Il-UPE rraġunat li jekk l-edukaturi jingħataw il-possibbiltà li jieħdu l-vaċċin minn tal-ewwel, jonqos ir-riskju li l-iskejjel ikollhom nuqqas ta’ għalliema jew li ma jiffunzjonawx sew minħabba ħaddiema kwarantina jew f’iżolament. Temmet tgħid li apparti hekk, l-għalliema li ilhom jaħdmu bla waqfien biex jaraw li t-tfal jibqgħu jieħdu l-edukazzjoni dovuta lilhom, ikollhom moħħhom mistrieħ.