Il-UPE tordna lil-LSEs ma jiħdux ħsieb il-klassi minflok l-għalliema

Read in English.

L-Unjin għall-Edukaturi Professjoni (UPE – Voice of the Workers) ordnat lil-Learning Support Educators (LSEs) li huma membri tagħha biex la terġa’ tiftaħ l-iskola, ma jiħdux ħsieb il-klassi minflok l-għalliema meta din ma tattendix għall-iskola.

Il-UPE ħarġet din id-direttiva b’reazzjoni għal dak li qal il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici fuq programm tar-radju fuq ONE Radio, meta stqarr li jekk l-għalliema jkunu ma jifilħux, l-istudenti jistgħu jsegwu l-lezzjoni tal-klassi ta’ maġenbhom bis-superviżjoni tal-LSE.

Skont l-unjin, b’dak li qal, Bonnici wera kemm mhuwiex infurmat dwar x’inhuwa eżatt l-irwol tal-LSE. Hija spjegat li billi l-LSEs m’għandhomx liċenzja, jekk jaċċettaw li jieħdu ħsieb klassi, kulma jiġri lit-tfal waqt dan il-ħin, isir responsabbiltà tal-LSE. L-unjin saħqet li dan imur lil hinn mill-obbligi tal-LSE, billi xogħol l-LSEs mhuwiex l-istess bħal tal-għalliema. L-LSEs għandhom iħarsu, l-ewwel u qabel kollox, is-saħħa u s-sigurtà u l-bżonnijiet tal-istudent li jkunu nkarigati minnu.

L-unjin issoktat tgħid li ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni mal-edukaturi dwar din id-deċiżjoni, lanqas mal-unjin infisha. Hija appellat lill-membri tagħha biex jekk jintalbu jagħmlu dan, ma jaċċettawx, u jinfurmawha minnufih.

Id-dettalji dwar meta jerġgħu jinfetħu l-iskejjel
Filmat: 10 affarijiet li għandek tkun taf dwar il-ftuħ tal-iskejjel

Skont ma tħabbar mis-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni Frank Fabri u mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci l-ġimgħa li għaddiet, l-iskejjel mistennijin jiftħu f’inqas minn xahar. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ppubblika sett ta’ linji gwida minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Fost dawn il-linji gwida, waħda li tapplika għal-LSEs hija li idealment, dawn m’għandux ikollhom aktar minn student wieħed x’jieħdu ħsieb minħabba l-pandemija u r-riskji ta’ tixrid tal-mikrobi.

Il-UPE kienet irreaġixxiet għal dawn il-linji gwida billi qalet li mhumiex realistiċi.

Taqbel mal-arranġament tal-ftuħ tal-iskejjel?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt.