Il-UPE tinsisti li l-arranġamenti għall-ftuħ tal-iskejjel mhux realistiċi

Il-Union għall-Edukaturi Professjonisti (UPE) mistennija tħabbar tilwima industrijali wara l-publikazzjoni tal-miżuri li se jitħaddmu biex jinfetħu l-iskejjel u jiġi evitat it-tixrid tal-Covid-19, għax temmen li dawn m’humiex realistiċi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ħamis, il-kap eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone nnota li kien hemm diskrepanzi bejn dak li tħabbar mill-Ministeru għall-Edukazzjoni il-jum ta’ qabel u d-dokument li ġie ppublikat. Imma aktar minn hekk, il-union ma temminx li l-miżuri mixtieq huma realistikament possibli.

Il-miżuri jeżiġu li t-tfal jiġu segregati fi gruppi żgħar deskritti bħala ‘bubbles,’ u li l-kompożizzjoni ta’ dawn il-gruppi tibqa’ l-istess waqt il-lezzjonijiet kif ukoll waqt ir-rikreazzjoni. Kull bubble għandha żżomm id-distanzi tagħha mill-oħra.

Studenti minn 3 snin ‘il fuq għandhom jilbsu maskra: dawk bejn 3 u 11 sena jridu jilbsuha meta ma jkunux fil-klassi, filwaqt li studenti li għandhom aktar minn 11-il sena – kif ukoll għalliema u ħaddiema oħra – jridu jilbsuha l-ħin kollu.

L-UPE ilmentat li edukaturi ma ngħatawx opportunità jaħdmu remotament, u esprimiet tħassib għal dawk li huma meqjusa bħala vulnerabbli. Sansone nsista li kieku l-gvern ma kaxkarx saqajh matul is-sajf, kien jista’ jimplementa sistema sura ta’ remote learning, u b’hekk kien jipproteġi studenti u edukaturi vulnerabbli.

Id-desks għandhom ikunu metru u nofs bogħod minn xulxin, u filwaqt li Sansone nnota li din id-distanza hi anqas miż-żewġ metri li ġeneralment tiġi ssuġġerita, xorta kien impossibli għal ħafna skejjel li jsibu l-ispazju li hemm bżonn. Żied li b’dawn il-miżuri, il-gvern seta ħalla attivitajiet tal-massa għaddejjin, għax bi skejjel kbar l-istess sitwazzjoni kienet se tirrepeti ruħha.

Sansone esprima xettiċiżmu fuq il-miżuri li jikkonċernaw it-trasport tal-iskejjel, peress li jkun hemm bżonn li jitnaqqas l-ammont ta’ studenti fuq kull vann. B’hekk ikun hemm bżonn żieda konsiderevoli fin-numru ta’ vannijiet li jintużaw għat-trasport tal-istudenti. Il-kap tal-union insista wkoll li s-sewwieqa ma jistgħux ikunu mistennija li jżommu għajn fuq it-tfal li jkunu qed iwasslu.

Fakkar li kien baqa’ anqas minn erba’ ġimgħat mill-bidu tas-sena skolastika, u nsista li l-UPE se tagħmel kull ma tista’ biex tiżgura li l-vulnerabbli jiġu protetti, u li l-kundizzjonijiet fuq ix-xogħol jibqgħu adegwati.