Il-UPE thedded bi strajk

Ritratt: FES

Read in English.

L-unjin tal-edukaturi professjonali (UPE) ħarġet ultimatum lill-Gvern biex jidħol fi djalogu magħhom filwaqt li qalet li se toħroġ direttivi u tista’ teskala s-sitwazzjoni bi strajk jekk it-talba tagħhom ma tiġix aċettata fiż-żmien stipulat. Il-UPE qed titlob li l-laqgħa ssir nhar it-Tnejn li ġej.

Fi stqarrija maħruġa s-Sibt filgħaxija, l-unjin qalet li ż-żieda qawwija ta’ każijiet li ġiet irreġistrata llum hija inkwetanti għas-saħħa u s-sigurtà tal-membri f’kull livell.

Il-UPE temmet l-istqarrija b’appell għall-edukaturi li għadhom mhux qiegħdin f’unjin billi qaltilhom li issa ż-żmien li jissieħbu f’unjin li tipprijoritizza s-saħħa u s-sigurtà tal-membri.

Dalgħodu, l-unjin tal-għalliema, l-MUT, saħqet biex il-Gvern jippubblika l-protokolli ta’ kif għandhom jingħalqu l-iskejjel f’każ li jinstabu każijiet pożittivi. Fi stqarrija l-MUT qalet li huwa evidenti li t-trasmissjoni hija għolja minħabba ż-żieda għolja ta’ każijiet u għaldaqstant fi kwalunkwe ħin xi skejjel se jkollhom jingħalqu.