Il-UPE b’direttivi għall-għalliema li jmorru minn klassi għall-oħra

Li jgħallmu l-mużika, ir-reċtar, il-PE, eċċ.

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) ħarġet direttivi għall-għalliema peripatetiċi, jiġifieri dawk l-għalliema li jgħallmu suġġetti bħall-mużika u l-arti, li jkollhom imorru minn klassi għall-oħra fil-primarja.

Dan peress li dawn l-għalliema qegħdin jitqiegħdu f’sitwazzjoni fejn jintalbu jieħdu ħsieb klassi mingħajr ebda preparazzjoni, u mbagħad jiġu evalwati fuq xogħol li qatt m’għamlu jew qatt ma tħarrġu fih.

Il-UPE spjegat li dawn l-għalliema qegħdin jiċċaħħdu mill-irwoli li huma kwalifikati fihom biex jimlew nuqqasijiet li hemm fl-iskejjel, minkejja li huma m’għandhom l-ebda taħriġ għal dawn l-irwoli. L-unjin staqsiet kif jista’ għalliem tal-mużika, pereżempju, jgħallem klassi tal-primarja bis-suġġetti kollha tagħha. Apparti hekk, qed jintalbu jippreparaw scheme of work ibbażata fuq kurrikulu li mhumiex familjari miegħu.

Għaldaqstant, l-unjin ħarġet direttivi għal dawn l-għalliema membri tagħha biex ma jgħaddux schemes of work sakemm tgħidilhom hi. Apparti hekk, m’għandhomx jaċċettaw żjarat mingħand uffiċjali tal-edukazzjoni, superviżuri jew uffiċjali tal-kwalità sakemm huma qegħdin jimlew dawn in-nuqqasijiet fl-iskejjel primarji.

Każijiet irrappurtati mill-UPE fl-iskejjel
Edukaturi bil-coronavirus f’Ħal Qormi u fi Blata l-Bajda

Is-sitwazzjoni f’St Thomas More

Apparti din is-sitwazzjoni, il-UPE llum ħarġet direttivi wkoll lill-edukaturi li jgħallmu fl-iskola sekondarja tal-Kulleġġ St Thomas More fiż-Żejtun peress li dawn qed jintalbu jgħallmu ġo sala li nqasmet ġo tliet partijiet biex jiġu mgħallma tliet klassijiet fl-istess ħin.

B’hekk, spjegat l-unjin, l-għalliema qed ikollhom jgħallmu f’konfużjoni kbira minħabba l-istorbju li jkun ġej mill-klassijiet l-oħra fl-istess sala. Minħabba f’hekk, ma jistgħux jintużaw anqas filmati jew riżorsi oħra bil-ħoss.

Għaldaqstant, l-unjin qalet lill-edukaturi membri tagħha li jgħallmu f’din is-sala biex ma jagħtux lezzjonijiet hemmhekk imma jistennew li jiġu assenjati fi klassi normali. Jekk ma tingħatax klassi, l-edukaturi m’għandhomx jagħtu lezzjonijiet.