Il-UPE b’direttivi biex l-għalliema tal-kindergarten ma jagħtux lezzjonijiet

children-going-to-school
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) ħarġet sitt direttivi lill-membri tagħha, li jinkludu direttiva lill-għalliema tal-kindergarten biex dawn ma jibqgħux jagħtu lezzjonijiet.

Dan wara li t-taħditiet bejn l-unjin u l-Gvern ma rnexxewx. Saret laqgħa lbieraħ bejn il-UPE u l-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jiddiskutu l-għeluq tal-iskejjel u l-proposta tal-UPE li l-lezzjonijiet isiru online. Imbagħad il-UPE tat ultimatum lill-Gvern biex jiddiskuti l-proposta sa nofsillejl illum. Jekk ma jintlaħaqx qbil, l-unjin beħsiebha tieħu miżuri aktar drastiċi.

L-unjin tenniet kemm huma allarmanti n-numri ta’ każijiet tal-coronavirus li hawn f’Malta bħalissa. Apparti hekk, hi mħassba fuq il-pressjoni li qed issir fuq is-sistema tas-saħħa, billi t-tim tal-contact tracing waqa’ lura, u l-iswab tests qegħdin isiru ħafna ġranet wara li ssir it-talba.

Il-UPE qalet li fil-laqgħa tal-bieraħ, kulma offra l-Ministeru kienu aktar tweġibiet vagi minflok tħassib veru fuq is-settur edukattiv.

Skont l-unjin, “Il-Ministeru waħħal fl-awtoritajiet tas-saħħa, u qal li fl-aħħar mill-aħħar huma jridu jieħdu d-deċiżjoni. Bl-istess mod, l-awtoritajiet tas-saħħa tefgħu r-responsabbiltà kollha fuq il-Ministeru tal-Edukazzjoni. Din il-logħba tal-ping pong ma tispiċċa qatt mhix f’lokha, speċjalment meta hemm is-saħħa u s-sigurtà ta’ eluf ta’ nies fin-nofs.”

Fl-istqarrija tal-unjin issemmiet ukoll is-sitwazzjoni barra minn Malta. Il-UPE qalet li barra, f’pajjiżi fejn hemm rata ta’ infezzjonijiet aktar baxxa minn ta’ Malta, issejjaħ stat ta’ emerġenza, l-iskejjel ingħalqu u l-lezzjonijiet bdew isiru online.

It-theddida tal-UPE
Il-UPE thedded bi strajk

Id-direttivi tal-UPE huma li:

  • Għalliema tal-kindergarten ma jagħtux lezzjonijiet; jirrappurtaw lill-SMT jekk studenti ta’ aktar minn tliet snin ikunu bla maskra jew visor
  • Għalliema tal-primarja ma jaċċettawx tibdil fit-timetable tagħhom
  • Il-membri tal-UPE ma jridux jaċċettaw li jagħmlu xi xogħol żejjed jew volontarju fl-iskola
  • LSEs membri tal-UPE ma jaċċettawx lezzjonijiet ta’ replacement, imma jibqgħu fil-klassi mal-istudenti l-oħra
  • LSEs li qegħdin jgħinu fil-klassijiet tal-kindergarten iridu jibqgħu fil-klassi bħala LSEs
  • Il-membri tal-UPE ma jridux jagħtu assessjar marbut mal-LOFs