Il-UPE b’4 miżuri għall-ftuħ tal-iskejjel; lesta tħabbar azzjoni industrijali

Read in English.

Il-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE Voice of the Workers) qalet li lesta tieħu azzjoni industrijali jekk il-Gvern ma jaqbilx mal-punti li qedha tipproponi biex il-ftuħ fiżiku tal-iskejjel ikun iktar sigur fil-kuntest tal-pandemija.

Fi stqarrija l-UPE qalet li dalgħodu kellha laqgħa oħra ma’ uffiċjali tal-Gvern dwar il-ftuħ fiżiku tal-iskejjel. Il-Unjin qalet li għamlitha ċara u emfasizzat li temmen li s-sena skolatsitka għandha tibda onlajn nhar it-Tnejn, biex tkun assigurata s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi, l-istudenti u s-soċjetà ġenerali.

Madanakollu, sostniet li jekk il-Gvern se jibqa jinsisti li jiftaħ l-iskejjel fiżikament, il-Unjin trid li l-Gvern jimplimenta dawn il-miżuri, li jinkludu:

  • Li tiġi osservata d-distanza soċjali strettament, u mhux b’mod vag, skont kif inhu stipulat fil-protokolli.
  • Li d-dħul fl-iskejjel ikun mifrux biex it-tfal ma jidħlux l-iskola kollha fl-istess ħin.
  • Li jkun hemm xi tip ta’ skrin bejn l-istudenti u l-edukaturi, li jista’ jkun tal-perspex, biex inaqqas ir-riperkussjonijiet f’każ li jkun hemm kuntatt viċin bejniethom.
  • Li jkun hemm provvista adekwata ta’ prodotti u apparat personali protettiv (PPE), inkluż sapun, xugamani tal-karti, visors, maskri u ingwanti, li jippermettu lill-edukaturi biex jagħmlu xogħlhom b’mod sigur.

Il-UPE temmet tgħid li jekk minn tal-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux osservati, implimentati jew jinkisru, se tiddikjara azzjoni industrijali.