Il-UNHCR tilqa’ dak li ħabbar il-PM dwar it-tmiem ta’ detenzjoni għat-tfal

Il-Kummissjoni Għolja tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati f’Malta, l-UNHCR, laqgħat dak li lbieraħ ħabbar il-Prim Ministru, jiġifieri indikazzjoni għat-tmiem ta’ detenzjoni għat-tfal li jfittxu kenn f’Malta.
Il-UNHCR qalet li dan hu sinjal pożittiv li l-Gvern hu lest li jagħmel tibdil importanti fis-sistema preżenti.
Ir-rappreżentant tal-UNHCR f’Malta Jon Hoisaeter qal li din il-bidla se jkollha impatt dirett fuq ħajjet it-tfal vulnerabbli.
Hu żied jgħid li l-UNHCR se tkompli taħdem mal-awtoritajiet Maltin biex tikkontribwixxi għal titjieb fis-sistemi.
F’Settembru li għadda, l-UNHCR ippubblikat analiżi tas-sistema f’Malta u kienet anke uriet it-tħassib tagħha dwar it-tfal fid-detenzjoni.
Ilbieraħ fid-diskors ta’ Jum il-Ħelsien li għamel fil-Birgu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ‘l bogħod minn kull preġudizzju jeħtieġ li Gvern jibqa’ jieħu ħsieb l-immigranti u d-dinjità. 
Dr Muscat saħaq li inutli jkollok liġi li tagħti ċertu drittijiet, iżda l-poplu jibqa’ marbut mal-preġudizzju.