Il-UN issejjaħ laqgħa b’urġenza wara l-attakki kimiċi ta’ lbieraħ

Il-Kunsill tas-Sigurtà fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda (UN) sejjaħ b’urġenza laqgħa wara l-attakk b’armi kimiċi fuq sptar f’Idlib, is-Sirja. L-Istati Uniti mill-ewwel ippuntat sebagħha lejn il-Gvern Sirjan.
L-attakk ta’ lbieraħ ħalla għexieren ta’ mejtin u midrubin, u qanqal ir-rabja ta’ bosta pajjiżi oħra. Filmati mill-midja internazzjonali wrew tfal mejtin, u oħrajn bir-ragħwa f’ħalqhom jokorbu mal-art.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern Sirjan ċaħad kull akkuża li qed issirlu.
B’kumbinazzjoni jew le, l-attakk seħħ eżatt bejn il-jumejn li fihom qed tinżamm konferenza importanti fi Brussell, b’70 pajjiż jiltaqgħu sabiex jiddiskutu l-għajnuna umanitarja lis-Sirja.
Fost il-pajjiżi li qed joffru l-għajnuna f’din il-konferenza hemm Malta, rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella.
Il-gwerra, hekk imsejħa ‘ċivili’, fis-Sirja ilha għaddejja għal dawn l-aħħar sitt snin, mingħajr ebda soluzzjoni politika sa issa.
Kwart ta’ miljun persuna ħallew did-dinja minħabba l-ġlied, ħames miljun Sirjan kellhom jaħarbu mill-pajjiż, filwaqt li sitta oħra jinsabu mferrxin fil-pajjiż stess, ’il bogħod minn darhom.
Il-laqgħa urġenti tal-lum issejħet minn Franza u r-Renju Unit, prinċipalment.