Il-UĦM u l-MCAST jaqblu dwar ftehim kollettiv

Il-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) ħabbret li l-ftehim kollettiv tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) ġie approvat minn 84% tal-ħaddiema li vvutaw sabiex jiġi ffirmat dan il-ftehim.
Il-ftehim jikkonċerna l-ħaddiema fl-amministrazzjoni, dawk klerikali u l-istaff tas-sapport fi ħdan l-MCAST, u jinkludi numru ta’ kundizzjonijiet ġodda għall-ħaddiema, fosthom, għaxar ġimgħat ta’ nofs ta’ nhari, flessibiltà sabiex ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, kif ukoll tisħiħ fil-proċeduri tal-vacation leave.
Fi stqarrija, l-Unjin qalet li l-ftehim kollettiv se jippermetti wkoll titjib fis-salarji, hekk kif se jkun hemm żidiet sostanzjali għal perjodu ta’ ħames snin.
Kompliet tgħid kif permezz tat-Taqsima Edukazzjoni u Kura, il-UĦM ippreżentat id-dokument lid-diversi kategoriji ta’ ħaddiema waqt laqgħa reċenti, fejn il-maġġoranza qablet li l-pass li jmiss huwa l-iffirmar tal-ftehim. L-iffirmar mistenni jseħħ il-ġimgħa d-dieħla.