Il-UĦM tordna direttivi lil uffiċjali tal-Gozo Channel

Il-Unjin Ħaddiema Maqgħudin (UĦM) daħħlet fis-seħħ numru ta’ direttivi wara li l-ħaddiema tal-kuntrattur, li jaħdmu bħala uffiċjali tas-sigurtà fit-terminals tal-kumpanija Gozo Channel, baqgħu aktar minn xahar u nofs bi ħlasijiet neqsin fuq xiftijiet li ħadmu fil-ħdud u l-festi.
Fost id-direttivi, fi stqarrija l-UĦM qed titlob lill-uffiċjali biex ma jassistux passiġġieri fit-terminal u l-marshalling area kif ukoll ma jagħmlux tfittxijiet u clamping.
Fi stqarrija, il-UĦM spjegat kif dawn il-ħaddiema sfaw vittma ta’ kuntratt maħruġ b’kundizzjonijiet differenti minn dak ta’ qabel u għalhekk qed ibatu kundizzjonijiet ta’ xogħol inferjuri wara trasferiment ta’ negozju.
Il-UĦM sostniet li l-ħaddiema mhux suppost jiġu milquta b’ebda bidla. Spjegaw kif inħolqot sitwazzjoni ta’ tensjoni fejn il-membri tal-unjin daħlu fin-nofs bejn il-kumpanija u l-kuntrattur li qed joffri s-servizz ta’ sigurtà.
L-Employment Relations Manager tat-Taqsima Manifattura u Kummerċ, Ramon Francalanza, stqarr li “dawn is-sitwazzjonijiet bla bżonn huma kollha kaġun ta’ tensjoni żejda fil-postijiet tax-xogħol. Dan hu każ ieħor fejn uħud mill-ħaddiema anki spiċċaw ibatu minn problemi ta’ saħħa”.