Il-UĦM tordna azzjoni industrijali għax-xufiera tal-ambulanzi

Arkivji

Il-UĦM – Voice of the Workers ordnat li jkomplu l-azzjonijiet industrijali tax-xufiera tal-ambulanzi.

Fi stqarrija maħruġa llum, l-unjin appellat lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jintervjeni biex jiżblokka s-sitwazzjoni li sejħitilha inġusta għal dawn il-ħaddiema li l-aħħar darba li sar ftehim għalihom kien meta Godfrey Farrugia kien Ministru tas-Saħħa xi snin ilu.

Ġie spjegat li fl-2019, il-UĦM ingħatat rikonoxximent tax-xufiera tal-ambulanzi li joperaw
mill-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u miċ-Ċentri tas-Saħħa. Stqarret li ilha sena tipprova tibda tinnegozja pakkett xieraq għal dawn ix-xufiera u l-familji tagħhom.

Eventwalment, ix-xufiera ħadu azzjoni industrijali permezz tal-unjin. Imbagħad l-unjin irċeviet data għall-ewwel laqgħa sabiex jinbeda n-negozjar tal-ftehim u l-azzjonijiet ġew sospiżi. Madankollu, dakinhar li l-uffiċjali tal-unjin u r-rappreżentanti tal-ħaddiema marru għall-ewwel laqgħa, din ma saritx għaliex “skont uffiċjali min-naħa tal-Gvern dawn il-ħaddiema ma jixirqilhomx kundizzjonijiet aħjar.”

Il-UĦM sejħet dan aġir kundannabbli li ma jawgurax tajjeb għar-relazzjonijiet industrijali bilaterali msejsa fuq prinċipji tad-djalogu soċjali. Għalhekk hi ordnat li jitkomplew l-azzjonijiet industrijali.