Aġġornata: Il-UĦM titlob laqgħa urġenti dwar l-Aġenzija Sapport

Il-UĦM talbet laqgħa urġenti lill-Ministru għall-Familja Michael Farrugia u lis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana minħabba dikjarazzjonijiet dwar l-Aġenzija Sapport.
Skont il-UĦM, ħaddiema nkwetati dwar l-awtonomija tal-aġenzija kkuntattjawha wara li raw dikjarazzjonijiet fil-midja lokali.
Il-UĦM sostniet mal-Ministeru li ma taċċettax li aħbar hekk tixxandar qabel ma jkun hemm konsultazzjoni magħha li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-aġenzija. Insistiet li s-sitwazzjoni hi sensittiva u teħtieġ djalogu biex ħadd ma jitlef ebda kundizzjoni ta’ xogħol. 

Aġġornata l-Ħamis fis-2pm:
Il-Gvern, bi tweġiba, tenna dak li diġà nforma lill-UĦM f'korrispondenza; jiġifieri li d-diskussjonijiet, li fil-prinċipju hemm qbil li jsiru, isiru fl-istadju opportun u mhux meta l-ħsieb u d-direzzjoni jkunu għadhom qed jiġu fformulati.

Il-Ministru Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana tennew li l-Gvern hu mpenjat li jindirizza n-nuqqasijiet li akkumulaw matul is-snin fis-servizzi fl-oqsma soċjali u għalhekk lest li jagħmel ir-riformi meħtieġa. 

Spjegaw li "fil-kuntest ta’ dan kollu, id-drittijiet tal-ħaddiema mhux se jittiefsu" u li l-ħaddiema jistgħu jserrħu rashom li l-affarijiet se jsiru b’kawtela u bil-għaqal.