Filmat: Il-UĦM tipproponi vawċers biex jintużaw għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Read in English.

Il-UĦM – Voice of the Workers ippreżentat il-proposti tagħha għall-baġit tal-2021, li jgħoddu mat-80, ewlenin fosthom li l-Gvern jibgħat vawċers li jintużaw bħala rifużjoni għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma peress li din is-sema se jkunu ogħla minn tas-soltu, u li l-ħaddiema tas-saħħa jingħataw bonus ta’ darba bħala ringrazzjament tax-xogħol li wettqu fil-pandemija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella qal li permezz ta’ dawn il-proposti, il-UĦM qed tipproponi li ssir analiżi tas-setturi tal-ekonomija, u li l-baġit li se jitħabbar dalwaqt ikun fih pjan t’azzjoni immedjat biex noħorġu minn din il-kriżi ta’ pandemija. Insista fuq il-ħtieġa ta’ pjanijiet aktar fit-tul, sabiex l-ekonomija ssir waħda ta’ aktar kwalità minflok kwantità.

Huwa appella li dan il-baġit ikun wieħed b’kuxjenza, sabiex kull ħajja tingħata l-valur mistħoqq.

Fost il-proposti tal-UĦM, hemm li x-xogħol mid-dar isir aktar permanenti. Vella qal li dan huwa l-futur, li l-Gvern m’għandux jikkunsidra biss għal tul il-pandemija imma għall-ġejjieni. Apparti hekk, il-UĦM temmen li l-Gvern għandu jaħdem mal-provdituri tal-internet sabiex il-konnessjoni f’Malta tissaħħaħ. Il-UĦM temmen li għandu jkun hemm portal online għall-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiema, li x-xogħol mid-dar isir permanenti u li tissaħħaħ l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) sabiex ikun hemm inqas inċidenti.

Xi proposti oħra tal-UĦM huma li:

  • Il-Ħdud jitħallsu b’rata doppja
  • Jekk ħaddiema tal-Gvern jiċċaqalqu minn post għall-ieħor, anke f’każ ta’ promozzjoni, il-miżuri favur il-familja jibqgħu jiġu onorati
  • Titnaqqas il-paga tal-part timers għal 10% għal dawk il-persuni li diġà jaħdmu full-time
  • Is-sahra tkun intaxxata b’10%
  • Il-first time buyers ma jħallsux biex jiġu installati meters ġodda tad-dawl u l-ilma
  • Persuni li xtraw propjetà bħal garaxx jew qabar ma jitilfux l-iskema tal-first time jew second time buyer
  • Dealers tal-karozzi ma jitħallewx jipparkjaw karozzi għall-bejgħ fit-toroq biex ma jittiħdux parkeġġi żejda
  • Aċċess għall-internet provdut lill-familji bi dħul baxx biex l-edukazzjoni online tkun appoġġjata
  • Il-bonus għall-anzjani jibda jingħata minn 70 sena ‘l fuq; jiżdied il-bonus għal dawk t’aktar minn 75 sena
  • Il-leave tal-emerġenza jirdoppja għal 32 siegħa
  • Ma jkunx hemm diskrepanza bejn il-paga ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin li jagħmlu l-istess xogħol fi gżejjer differenti

Il-Prim Ministru Robert Abela llum iddiskuta l-baġit li se jsir fid-19 t’Ottubru mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs). Lill-Kamra qalilha li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval mhix se tipparalizza lin-negozji.