Il-UĦM tipproponi laqgħa mal-Gvern dwar il-bejgħ tal-isptarijiet

Il-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) – Voice of the Workers qed titlob laqgħa bilaterali mal-Gvern sabiex tressaq proposti dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet lokali mingħand Vitals għal Steward.
Fi stqarrija l-unjin spjegat kif għad hemm ħafna mistoqsijiet li hemm bżonn jitwieġbu u li huma ta’ nteress nazzjonali, kemm għaċ-ċittadini, kif ukoll għall-ħaddiema.
L-unjin insistiet li l-Avukat Ġenerali għandu jinvestiga l-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-kumpaniji u l-Gvern, u temmen li sakemm il-kuntratt ma jaqax taħt l-iskrutinju tal-Avukat Ġenerali ma tistax taqbel li l-ftehim hu ta’ benefiċċju għall-poplu Malti u Għawdxi.
Tinsisti wkoll li l-Gvern għandu jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-investigazzjonijiet li jkunu saru mill-Avukat Ġenerali.
Fl-istqarrija l-unjin semmiet ukoll l-importanza li jsir ftehim bejn il-Gvern u l-unjin sabiex il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa jaqgħu taħt it-tmexxija tal-Gvern u għaldaqstant tfakkar li x-xogħol tal-ħaddiema għandu jkun issalvagwardjat.