Il-UĦM tinsisti li titlob rikonoxximent għall-ħaddiema kollha fil-MPT

Tkompli l-kwistjoni bejn il-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) u l-kumpanija Malta Public Transport (MPT), hekk kif il-UĦM qed tinsisti li hi bi dritt titlob ir-rikonoxximent tal-ħaddiema kollha u saħqet li l-kumpanija m’għandhiex tqis sentenza kontra l-unjin għal rikonoxximent f’kategorija waħda, bħala li tkopri l-ħaddiema kollha.
L-avukat tal-unjin wieġeb lill-avukat tal-kumpanija tat-trasport pubbliku, li fl-aħħar jiem qal li MPT ma tistax tagħti rikonoxximent lill-UĦM wara li kien ġie miċħud rikors dwar dan.
Imma l-UĦM insistiet li r-rikors kien jitratta r-rikonoxximent ta’ unjin għax-xufiera, u li dan m’għandux “jostakola li ssir ġustizzja mal-ħaddiema” biex jivvutaw u jistabilixxu l-unjin b’maġġoranza fil-kumpanija.
Fl-istess ħin, il-UĦM wissiet lill-MPT biex ma tkomplix tinnegozja ma’ unjin li ma tgawdix il-maġġoranza, għax “tkun qed tistieden inkwiet industrijali mal-UĦM”.
Avżat ukoll lill-GWU li ma taċċettax li ħaddiema jiġu avviċinati fi ftehim kollettiv fittizju li ma jsarraf għal ebda benefiċċju għall-ħaddiema.