Il-UĦM tiddikjara tilwima industrijali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-UĦM Voice of the Workers iddikjarat tilwima industrijali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara li l-maniġment injora sejħiet għal negozjati biex ikun hemm kundizzjonijiet aħjar għall-avukati li jaħdmu f’dan l-uffiċċju, billi dawn qed jingħataw responsabbiltajiet ġodda.

Il-UĦM ħabbret it-tilwima industrijali dalgħodu, u qalet li jaf tħabbar anke azzjonijiet industrijali.

Skont l-unjin, l-Uffiċċju tal-AĠ kaxkar saqajh biex jibda taħditiet fuq ftehim kollettiv ġdid, u qed jirrifjuta li jiltaqa’ magħha.

“Il-kundizzjonijiet tal-avukati u l-prokuraturi legali f’din l-entità ilhom snin ma jkunu riveduti. Barra minn hekk ir-responsabbiltajiet tagħhom komplew jiżdiedu mill-1 ta’ Ottubru li għadda, meta daħlet fis-seħħ ir-riforma tal-Kummissjoni Venezja li introduċiet id-“decision to prosecute”. Dan wassal biex għadd ta’ każijiet li jaqgħu taħt il-Kodiċi Kriminali ma baqgħux iktar fir-responsabbiltà tal-pulizija, imma saru jaqgħu taħt dawn il-professjonisti. Ir-riforma fissret ukoll li dawn l-avukati se jkunu qed jagħmlu prosekuzzjoni dwar ħafna każijiet fil-Qorti Kriminali li qabel kienu jsiru minn madwar 120 uffiċjal tal-pulizija. Dan kollu qed iwassal biex avukati li jaħdmu fi ħdan l-Uffiċċju jispiċċaw jirriżenjaw u jfittxu xogħol ieħor. Xhieda ta’ dan hu l-fatt li fl-aħħar sena biss, l-Uffiċċju tilef ħamsa minn 30 avukat.”

Għalhekk, il-UĦM Voice of the Workers qed titlob ftehim li jiġi konkluż fi żmien qasir sabiex dawn il-ħaddiema jingħataw kundizzjonijiet aħjar u li dan jidħol fis-seħħ mad-data tar-riforma jiġifieri fl-1 t’Ottubru 2020, anke jekk jiġi ffirmat wara.

Il-UĦM qalet li ma tixtieqx tasal sa dan il-punt għax konxja li dan ikun ta’ detriment fuq
xogħol fil-qrati ta’ kompetenza kriminali. Min-naħa l-oħra, beħsiebha tibqa’ tinsisti li l-professjonisti fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jkollhom salarji u kundizzjonijiet li mhux biss jattiraw persuni ġodda iżda anke jżommu lill-ħaddiema preżenti motivati.