Il-UĦM bi 92 proposta għall-Baġit 2020

Il-UĦM Voice of the Workers ippreżentat 92 proposta għall-Budget 2020.

Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM, elenka wħud mid-92 proposta li din il-union ippreżentat lill-MCESD fix-xhur li għaddew.

Il-UĦM  qed tissuġġerixxi li l-ħaddiema kollha mhux biss ikollhom kuntratt bil-miktub, imma dawn il-kuntratti jkunu uploaded fuq portal li  jitmexxa minn awtorità tal-Gvern. Minn dan il-portal wieħed jista’ jara li dak li tistabbilixxi l-liġi tax-xogħol bħala minimu fil-kundizzjonijiet, ikun rifless awtomatikament f’dawn il-kuntratti.

L-UĦM tkellmet ukoll dwar il-proposta ta’ salarju ugwali għal xogħol ugwali. Waqt konferenza tal-aħbarijet, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers tkellem dwar  il-proposta ta’ sħubija f’union għal ħaddiema bi dħul baxx.  Hu qal li f’din il-proposta l-UĦM trid tagħti iżjed protezzjoni lill-ħaddiema filwaqt li ssir tassattiva li l-ħaddiem jidħol f’union tal-għażla tiegħu. Il-UĦM  Voice of the Workers qed  tgħid aktar minn hekk u fissret kif il-proposta tagħha tgħid li ħaddiema li jaqilgħu sa €25,000 għandhom  jidħlu awtomatikament f’union.

Min-naħa l-oħra, dawk il-ħaddiema li ma jridux jissieħbu f’union (partikularment dawk li jaqilgħu minn €25,000 ‘il fuq) għandhom jagħtu kontribuzzjoni għad-djalogu soċjali. Minflok iħallsu miżata, iħallsu kontribuzzjoni f’fond għall-iżvilupp tar-riżorsi umani. Tali fond ikun amministrat mill-korpi kostitwiti u li jiffoka l-aktar fuq ir-riċerka, it-taħriġ u l-iżvilupp  kontinwu. B’hekk ikun assigurat li l-ħaddiema kollha jagħtu l-kontribuzzjoni lejn  id-djalogu soċjali.

Proposta oħra hi dik dwar it-tisħiħ fl-Awtorità  dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA). Vella stqarr li s-settur tal-kostruzzjoni għandu jiġi regolat u li l-iżvilupp li qed isir irid jkun qed itejjeb l-estetika ta’ pajjiżna. Marbuta ma’ din, hi l-kwistjoni hi li jkun  hemm fond sabiex ikunu kumpensati l-vittmi ta’ min ikun  ġarrab ħsarat jew twaqqigħ fil-propjetà tiegħu kawża ta’ negliġenza minn min  kien responsabbli mill-iżvilupp.

Dwar it-trasport, il-UĦM Voice of the Workers qed tipproponi li jkun hemm trasport alternattiv li jilħaq lir-residenti kollha. Josef Vella qal li l-Fast Ferry għandha tiġi indirizzata mill-aktar fis għax jista’ jkun ta’ soljev għall-ħaddiema Għawdxin. Barra minn hekk għandu jkun hemm studju dwar il-moviment tal-persuni – studju biex jinstabu soluzzjonijiet addattati. Proposta oħra titratta dwar l-iskema Tal-Linja Card  li tkun bla ħlas għal kulħadd. B’dan l-inċentiv, ikun hemm aktar nies li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku u fil-frattemp titnaqqas karozza għal kull persuna fit-triq. Il-UĦM qed  tittama li filwaqt li qed jitwessgħu t-toroq ikun hemm pjan biex il-bus lanes iżidu fl-importanza tagħhom.

Josef Vella tkellem dwar proposta edukattiva, dik dwar internet b’xejn iżda b’aċċess regolat għal dawk ir-residenzi bi tfal li jattendu skejjel primarji u sekondarji. Il-UĦM ukoll qed tipproponi skemi ta’ qari online b’xejn għat-tfal u ż-żgħażagħ. Dan biex l-istudenti ma  jitbiegħdux mill-qari.

Il-Pensjoni taż-Żgħażagħ. Taħseb għall-pensjonijiet meta ż-żagħżugħ tal-lum jaslu għall-età pensjonabbli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers  semma wkoll proposta li tikkonċerna lil persuni b’diżabbiltà. Bħalma sar fis-snin li għaddew fejn infetħu numru ta’ djar tal-anzjani, għandu  jsir l-istess u jinbnew aktar djar għal persuni b’diżabbilta’.

Josef Vella tkellem ukoll dwar l-ambjent u l-UĦM Voice of the Workers qed tipproponi, fost oħrajn, li f’kull belt u raħal ikun hemm aktar bring–in–sites taħt l-art fejn jista’ jintefa’ ż-żibel skont il-materjal.  Din il-proposta tinċentiva liċ-ċittadin biex jarmi l-iskart tiegħu fil-kumdita’ tiegħu u fl-istess waqt l-iskart ma jagħtix fil-għajn.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irrefera wkoll għal proposta importanti oħra, dik li jinbena, fi żmien stipulat, sptar ġdid b’faċilitajiet mill-aktar moderni għall-kura mentali. Dan għax preżentament l-Isptar Monte Karmeli jinsab fi stat  diżastruż,  mhux biss għall-pazjenti imma wkoll għall-ħaddiema u l-professjonisti li jridu jagħtu servizz imprezzabbli biex jieħdu ħsieb persuni f’qagħda vulnerabbli ħafna.