Il-UĦM b’tilwima industrijali mal-Wasteserv

Il-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) irreġistrat tilwima industrijali mal-Wasteserv, hekk kif saħqet li l-maniġment tal-kumpanija qed jonqos milli jattendi għal-laqgħat dwar it-tiġdid tal-ftehim kollettiv. 
Il-Unjin insistiet li lesta tordna azzjonijiet industrijali f’każ li ma tiġix skedata sensiela ta’ laqgħat ġodda fi żmien qasir.
Fi stqarrija, il-UĦM qalet li fl-2017 għaddiet il-proposti tal-ftehim kollettiv tal-ħaddiema lill-maniġment tal-Wasteserv. Azzjoni li saħqet li saret xhur qabel l-iskadenza tal-ftehim sabiex tħalli biżżejjed żmien għan-negozjati dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Il-Unjin fakkret li kemm hi, kif ukoll il-kumitat tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, huma determinati sabiex in-negozjati tal-ftehim kollettiv mal-kumpanija jitlestew.
Madanakollu tinsisti li l-maniġment tal-Wasteserv mhux biss dam sabiex jibdew in-negozjati, iżda qalet li qed ikaxkar saqajgħ u jħassar il-laqgħat li jkun ilhom ġimgħat prenotati.