Il-UĦM b’mandat fil-qorti minħabba l-Gozo Channel

Il-UĦM Voice of the Workers ippreżentat mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti sabiex jiġu salvagwardjati s-salarji tal-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur Executive Security Services Ltd. abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel.

Il-unjin qalet li kellha tasal għal din id-deċiżjoni għax il-kumpanija Gozo Channel neħħiet lill-ħaddiema membri tal-UĦM mir-roster wara li kienu qed isegwu direttivi leġittimi ordnati mill-istess unjin.

Din il-kwistjoni ilha għaddejja diversi xhur tant li kellha tinfetaħ investigazzjoni mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali.

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li ma tistax tifhem għaliex il-ħaddiema għandhom jgħaddu minn dan il-‘kalvarju’ kollu biex ikunu stmati daqs il-kollegi tagħhom impjegati mal-Gozo Channel li jagħmlu l-istess xogħol.

Qalet li dawn il-ħaddiema qed ibatu minn intimidazzjoni ġenerali u saħansitra ġew akkużati li qed jagħmlu “vendikazzjoni mal-ħaddiema Għawdxin”.