Il-UĦM b’direttiva biex in-nies vulnerabbli jibqgħu jaħdmu mid-dar

Miguela Xuereb

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li d-deċiżjoni meħuda mill-Gvern sabiex in-nies vulnerabbli jmorru lura għax-xogħol minn għada tpoġġi lil dawn in-nies f’pożizzjoni diffiċli, peress li jridu jagħżlu: jew saħħithom jew imorru lura għax-xogħol. Għalhekk hija ħarġet direttiva biex dawn jibqgħu jaħdmu mid-dar.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li mhuwiex ġust li dawn ikollhom jagħżlu jekk jiħdux ħsieb saħħithom u ħajjithom, jew inkella jekk iridux jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Issoktat tgħid li dan jikkuntrasta mal-linji gwida għal persuni vulnerabbli ippubblikati nhar it-Tlieta fl-4pm mill-Uffiċċju tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Dawn il-linji gwida jagħmluha ċara li l-coronavirus mhuwiex fil-passat, imma li għadu fostna, u kulħadd irid joqgħod aktar attent issa li aktar miżuri qegħdin jiġu llaxkati. F’kuntatt ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qalet li dawk il-linji gwida huma validi biss għal din il-ġimgħa, u minn għada l-1 ta’ Ġunju, se jidħlu fis-seħħ linji gwida ġodda, addattati għaċ-ċirkostanzi. Il-UĦM ikkummentat li dan kollu ħoloq konfużjoni fost in-nies.

Il-linji gwida maħruġin nhar it-Tlieta jagħmluha ċara li min hu obbligat jaħdem qed jingħata parir sabiex jagħmel dan biss bit-teleworking, jekk jaqa’ fil-kategorija ta’ nies vulnerabbli.

Il-UĦM irraġunat illi, “Filwaqt li għadu riskjuż li plejers f’saħħithom imissu ma’ xulxin waqt xi logħba futbol, ir-riskju, skont l-istess Gvern, ma jeżistix bejn professjonist li jista’ jkun vulnerabbli, u pazjent. Din is-sitwazzjoni assurda qed twassal sabiex dawn in-nies qed jikkunsidraw li jkollhom, jew jirriżenjaw jew inkella jitolbu leave mhux imħallas sabiex jibqgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom.”

F’dan l-isfond, il-UĦM Voice of the Workers bagħtet ittra u rreġistrat tilwima lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, u għamlitha ċara li dan mhux aċċettabbli. Infurmatu wkoll li sakemm ikun hawn is-serħan tal-moħħ li dawn il-ħaddiema mhux se jiġu esposti għal dan il-virus, dawn il-ħaddiema se jkunu ordnati sabiex jibqgħu d-dar.

Għaldaqstant il-ħaddiema vulnerabbli, kif imnżżel fil-linji gwida, qed jingħataw direttiva sabiex jibqgħu kif kienu sal-lum, jiġifieri jaħdmu mid-dar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn