Il-UBS tgħid li ma ntlaħaqx qbil minkejja n-nuqqas ta’ karozzi tal-linja

L-Unscheduled Bus Service sostniet li minkejja li hawn nuqqas kbir ta’ karozzi tal-linja, mhux minnu li ntlaħaq ftehim mal-Autobuses de Leon biex jiġġedded il-kuntratt tagħha.
Fi stqarrija, Ray Bartolo f’isem il-Kumitat tat-Tmexxija tal-UBS qal li l-kuntratt tagħhom se jiskadi llum.  
Spjega li fuq talba tal-Gvern, il-UBS kompliet tipprovdi s-servizz wara t-8 ta’ Jannar meta beda l-operatur l-ġdid. Dan “sakemm jaslu vetturi użati mill-Ingilterra.”
Ray Bartolo qal li dawn il-vetturi baqgħu ma waslux u l-UBS intalbet tkompli s-servizz b’kundizzjonijiet li ma ntlaħaqx ftehim dwarhom. Sostna li l-UBS għamlet minn kollox biex taqdi lill-Gvern, lill-pubbliku u lill-operatur il-ġdid, fejn anke l-membri tagħha xtraw numru kbir ta’ vetturi low-floor minflok il-coaches tagħhom sabiex ikunu aktar aċċessibbli.
Żied jgħid li minkejja dan, is-servizz tal-UBS twaqqaf għalkemm għadhom ma ġewx il-vetturi.
Spjega li l-kumpanija tagħhom ħadmet id f’id mal-Gvern biex tipprovdi vetturi prinċipalment tat-tip low floor biex tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas li kellha l-Arriva. Qal ukoll li l-operaturi l-ġodda bdew il-kuntratt tagħhom mingħajr ma kellhom il-vetturi imwegħda skont il-kuntratt.
Bartolo temm billi awgura lill-operatur il-ġdid li jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt kif imwiegħed u kif jixraqlu l-pubbliku.
B'reazzjoni għal dan Malta Public Transport assigurat lill-pubbliku li nhar it-Tnejn mhu se jkun l-ebda waqfien mis-servizz. Qalet li llum waranofsinhar infurmat lill-Ministru tat-Trasport u lil Transport Malta li kollox għandha preparat sakemm it-32 karozza tal-linja jidħlu fis-servizz fl-erba' ġimgħat li ġejjin.