Il-Uber issir kumpanija oħra tat-trasport pubbliku

Il-kumpanija Uber mhux se tibqa’ titqies bħala kumpanija li toffri servizz diġitali biex in-nies jiltaqgħu flimkien, iżda bħala kumpanija tat-trasport pubbliku.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet dan, kontra dak li jemmnu u kif kienu jirreklamawha s-sidien tal-kumpanija.
Il-każ tqajjem wara li l-kumpanija ġiet imġiegħla tobdi r-regoli tat-taksi lokali f’Barċellona.
Sadanittant il-kumpanija qalet li l-verdett tal-Qorti Ewropea mhux se jaffettwa kif tagħmel in-negozju tagħha fl-Ewropa, iżda li issa l-kumpanija se jkollha tibda ssegwi r-regolamenti li ssegwi kull kumpanija oħra tat-trasport fl-Ewropa, esperti qalu li l-affarijiet jistgħu jinbidlu sewwa.
Dawn irrimarkaw li tista’ tiġi affettwata dik li jsejħulha “il-gig economy” jiġifieri dawk it-tip ta’ negozji li fihom ikun hemm maġġoranza ta’ persuni li jaħdmu fih li ma jkunux fuq kuntratt fiss, iżda bosta drabi jkunu temporanji jew freelance, indipendenti.
Il-Uber hija app li biha persuni li xogħolhom mhuwiex li jsuqu lin-nies u persuni li xtaqu jaslu minn post għal ieħor tkunilhom eħfef li jikkuntattjaw lil xulxin.
Mindu l-kunċett tnieda inqas minn 10 snin ilu, il-kumpanija ħabtet ma’ diversi pajjiżi minħabba li r-regolamentazzjoni tagħhom kienet iġġiegħel lill-kumpanija jibdlu l-mudell tan-negozju.